Coronavirus Lokali

“L-agħar żmien għadu ġej” – MAM

“Ieqfu ilagħbu bis-saħħa tal-persuni vulnerabbli u l-anzjani – l-agħar żmien għadu ġej.”

Stqarrija iebsa tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija (MAM) fil-konfront tal-Gvern li saħqet li n-numri tal-COVID-19 qed jiżdiedu b’rata allarmanti għal livelli mingħajr preċedent kawża tal-avvenimenti tal-massa li qed jibqgħu jsiru.

Data miġbura minn Marzu sa Ġunju tbassar li matematikament tintilef ħajja waħda ma’ kull 75 każ fi żmien 3 sa 6 ġimgħat minn meta l-virus jibda jgħolli rasu. It-tobba saħqu li din l-evidenza xjentifika tindika li l-agħar żmien kawża tal-virus għadu ġej. Il-MAM appellat għal miżuri ta’ saħħa pubblika effettivi u f’waqthom biex jiġu evitati dawn l-imwiet.

Il-MAM għal darb’oħra appellaw biex l-attivitajiet tal-massa jieqfu immedjatament. Dawn jinkludu wkoll attivitajiet soċjali tal-familja li fihom ikun hemm aktar minn 10 persuni. It-tobba qed jgħidu li dawn tal-aħħar  jippreżentaw riskji daqs kull avveniment ieħor tal-massa.

Fl-istqarrija t-tobba tkellmu dwar ġurnalist Taljan li tefa’ immaġini ta’ Malta fuq il-midja soċjali. Fihom dehru mijiet ta’ nies f’Paceville mingħajr maskri jew social distancing. Il-MAM qalu li dan hu każ ieħor bħal f’ħafna partijiet madwar Malta u Għawdex bi preżenza prattikament żero ta’ liġi, ordni jew infurzar.

Intant, fl-aħħar jiem folol kbar kienu rrappurtati f’numru ta’ lokalitajiet u bajjiet madwar Malta u Għawdex. Apparti minn hekk it-tobba saħqu li l-vapur t’Għawdex kien mimli aktar mis-soltu bil-maġġoranza tan-nies ikunu mingħajr maskri.

L-Assoċjazzjoni Medika saħqet li dan mhux mod kif tikkontrolla pandemija u huwa eżempju ċar għalfejn l-R Factor issa huwa madwar 2.0. Huma saħqu li l-argument ċiniku li ma seħħ l-ebda mewt minn Ġunju ma jistax jiġġustifika l-promozzjoni tal-idea ta’ normalità.

L-isqarrija temmet b’kundanna lejn sezzjoni tal-midja li b’mod irresponsabbli żgurat lit-telespettaturi li Malta għandha t-tieni l-inqas numru ta’ każijiet, mingħajr ma tikkoreġi ċ-ċifra għal kull popolazzjoni. It-tobba saħqu li fir-realtà l-għadd ta’ każi ġodda għal kull popolazzjoni ta’ 1000 ruħ żdied għal fost l-ogħla fl-Ewropa li wasslet lis-CDC fl-Istati Uniti biex tiddikjara lil Malta bħala destinazzjoni ta’ riskju għoli.