Internazzjonali

Lejl ta’ ġlied fil-Belarus

Wieħed maqtul u 120 arrestati

Lejl ta’ ġlied u vjolenza fil-kapitali tal-Belarus wara li r-riżultat elettorali ikkonferma lill-President Lukashenko fit-tmexxija għal terminu ieħor.

Il-Pulizija f’Minsk kellhom jużaw balal tal-lastiku u kanuni tal-ilma sabiex iferrxu lill-mijiet ta’ dimostranti li inġabru jipprotestaw. Jidher li fl-irvellijiet inqatel wieħed mid-dimostranti. Madwar 120 persuna ġew arrestati.

Lukashenko rebaħ l-elezzjoni b’maġġoranza ta’ 80%. Iżda l-esponenti tal-partiti opposti qed jgħidu li mhux jafdaw iċ-ċifri li ħareġ il-Gvern.

Lukashenko ilu jmexxi l-Belarus sa mill-1994, u ħafna jikkunsidrawh bħala l-aħħar dittatur li fadal jirrenja fl-Ewropa.