Internazzjonali

Libanu: Jirriżenja l-Gvern tal-Prim Ministru Diab.. bil-mejtin mill-isplużjoni jiżdiedu

Għadu kemm irriżenja l-Gvern tal-Libanu fost l-għajta popolari għal bidla fl-amministrazzjoni tal-pajjiż wara l-isplużjoni devastanti ta’ ġimgħa ilu fil-port ta’ Bejrut li ħalliet numru kbir ta’ mejtin u midruba.

Intant, il-Prim Ministru Lebaniż Hassan Diab ukoll ikkonferma r-riżenja tiegħu fost l-aħħar indirizz lill-pajjiż f’dik il-kariga. Dan meta l-kriżi fil-Libanu rrankat sew, waqt li numru ta’ Ministri ħadu l-inizjattiva huma stess biex iwarrbu mill-Kabinett fl-aħħar ġranet.

Il-Kabinett Lebaniż kien iffurmat f’Jannar bl-għajnuna tal-moviment tal-militanti Hezbollah, li hu alleat tal-Iran, u gruppi politiċi oħra.

Aktar qabel, illum, il-Gvernatur ta’ Bejrut, Marwan Abboud, żvela li l-mejtin fl-isplużjoni ta’ ġimgħa ilu fil-qalba tal-kapitali Lebaniża kienu qabżu l-200 u li għad fadal l-għexieren ta’ nies neqsin, li l-parti kbira tagħhom huma barranin.

Fl-aħħar siegħat, f’Bejrut, seħħew sensiela ta’ inċidenti vjolenti fejn il-pulizija ġġieldu mad-dimostranti li huma rrabjati għal kif il-Gvern irreaġġixxa għad-diżastru.

Intant, Hassan Diab ikkonferma li l-isplużjoni devastanti ta’ ġimgħa ilu rriżultat minn ħażna kbira tal-kimika ammonium nitrate) li kienet ilha tinżamm għal sitt snin fil-port ta’ Bejrut — u fejn kienu baqgħu njorati d-direttivi għas-sigurtà.

Id-deċiżjoni biex materjal hekk perikoluż jinżamm ġo maħżen viċin iċ-ċentru ta’ Bejrut issorprendiet u xukkjat lill-poplu, meta n-nies ilhom jakkużaw lill-elit politiku tal-Libanu dwar korruzzjoni, traskuraġni u amministrazzjoni ħażina.