Futbol Sport

Magħrufa l-avversarji tat-timijiet Maltin fl-Europa League

Aktar kmieni llum ittellgħu l-poloz tal-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Europa League. Valleta se jospitaw lil Bala Town ta’ Wales, filwaqt li Hibernians u Sirens se jsiefru lejn Liechtenstein u l-Bulgarija rispettivament. Hibernians se jilagħbu kontra Vaduz filwaqt li Sirens se jilagħbu kontra CSKA Sofia. Il-logħbiet se jintlgħabu fis-27 ta’ Awwissu fuq leg wieħed wara bibien magħluqa.

Bla dubju il-polza ta’ Sirens hija l-aktar waħda diffiċli bit-tim minn Sofia fil-passat waslu sas-semifinali ta’ tazza Ewropeja kif ukoll rnexxielhom jaslu sas-semifinali tal-UEFA Cup Winners Cup. Huma rebħu wkoll 31 darba l-kampjonat Bulgaru. L-avversarji ta’ Hibernians, Vaduz kwalifkaw għall-ewwel darba għal kompetizzjoni Ewropeja fl-1992. Huma rebħu darba l-kampjonat ta’ Liechtenstein u rekord mondjali ta’ 47 darba t-tazza ta’ Leichtenstein. L-aktar darba li avvanzaw f’kompetizzjoni Ewropeja kien fl-istaġun 2015/16 fejn waslu sat-tielet rawnd ta’ kwalifikazzjoni.

Valletta m’għandhomx ifallu kontra t-tim minn Wales Bala Town, fejn tul l-esperjenza tagħhom fil-kompetizzjonijet Ewropej huma qatt ma rnexxielhom javvanzaw aktar mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni. Aktar kmieni kien ikkonfermat li Floriana se jilgħabu l-partita mill-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni tal-UEFA Champions League kontra CFR Cluj tar-Rumanija fid-19 ta’ Awwissu fis-Centenary Stadium, jekk jikkwalifikaw huma jaffaċċjaw avversarju ieħor diffiċli meta fit-tieni rawnd jospitaw lill-Kroati Dinamo Zagreb.