Lokali

Mara ssofri ġrieħi gravi waqt argument

Spanjola ta’ 47 sena residenti s-Swieqi, sofriet ġrieħi gravi waqt argument ġewwa kumpless fin-Naxxar.

Ilbieraħ għall-ħabta tas-6:00pm, il-Pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha ġewwa kumpless tad-divertiment fi Triq Tul il-Kosta, n-Naxxar.

Mill-ewwel investigazzjonijiet li saru fuq il-post irriżulta li kien seħħ argument bejn Spanjola ta’ 47 sena, raġel ta’ 30 sena residenti l-Ħamrun, mara ta’ 28 sena residenti l-Ħamrun, mara ta’ 35 sena residenti Ħal Tarxien, mara ta’ 25 sena residenti l-Marsa, mara ta’ 19-il sena residenti lMarsa, ġuvni ta’ 16-il sena residenti l-Marsa u raġel ta’ 24 sena residenti l-Ħamrun.

Il-vittma ttieħdet l-Isptar Mater Dei għall-aktar kura medika. Aktar tard hija ġiet iċċertifikata li qegħda ssofri minn ġrieħi gravi.

Il-Pulizija tad-Distrett għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar il-każ.