Lokali Qorti

Mhux ħati li kien involut f’konfoffa biex jimporta tliet kili kokaina fl-2001 mill-Italja lejn Għajn Tuffieħa

Saret ġustizzja ma’ raġel mill-Bidnija li llum għandu 71 sena li sa fl-aħħar każ li kien qed jiġi akkużat bih 19-il sena ilu, nqata’ fejn huwa ġie lliberat minn akkużi li kien involut f’konfoffa biex jimporta tliet kili droga kokaina.

L-akkuża prinċiplali kienet li d-droga kellha tiġi mill-Italja u titwaqqaf Għajn Tuffieħa u li l-pjan kellu wkoll jinkludi li tinqatel persuna. Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Neville Camilleri lliberat lil Angelo Zahra fuq każ li kienet qed tinvestiga l-Pulizija fl-2001.

Sitt persuni kienu suspettati li kienu qegħdin jippjanaw li jdaħħlu madwar tliet kilogrammi kokaina f’Malta. Dawn il-persuni msemmija kienu qed jippjanaw li jsir traġitt bi ‘speed boat’ minn Malta lejn Sqallija, fejn jitwasslu l-flus f’dik id-direzzjoni u lura tinġieb id-droga.

Kien hemm suspett li kellu jinqatel ċertu Raymond Bonello u kien spjegat li kienu qed isiru interċettazzjonijiet ta’ telefonati tal-persuni suspettati.
Mix-xhieda rriżulta li l-akkużat kellu struzzjoni li jmur ma’ persuni oħra f’ Għajn Tuffieħa sabiex jintervjenu.

L-Assistent Kummissarju tal-Pulizija Neil Harrison xehed fil-Qorti li kien mar ma’ xi Pulizija oħra fl-inhawi fejn hemm il-parkeġġ quddiem ir-ristorant Apple’s Eye f’Għajn Tuffieħa.

Ix-xhud qal li kien ġie nnutat vann Seat Terra pparkjat li kien magħruf magħhom u jispeċifika li dan kien vann tax-xogħol li kien jintuża minn ċertu Jason Briffa.

Qal li fir-ristorant ma tantx kien hemm nies pero’ spjega li fuq mejda ġie osservat li kien hemm Jason Briffa flimkien mal-imputat Angelo Zahra. L-Ispettur qal li flimkien ma’ Pulizija oħra marru jarrestaw lil dawn il-persuni fejn saret tfittxija fuq il-persuna tagħhom, fejn spjega li fuq l-imputat instabu żewġ ċwievet li waħda minnhom kienet taqbel mal-vann li kien ipparkjat.

Huwa kien qieghed faċċata tagħhom eżatt, madwar erba’ jew ħames metri ‘l bogħod minnhom. Kompla jgħid li minn tfittxija li saret fil-vann imsemmi, fuq is-seat tan-naħa tal-passiġġier kien hemm borża tal-plastik fejn kien hemm diversi flus kontanti Maltin u ċekk.

Jgħid li dawn ġew elevati u li meta aktar tard gew magħduda fid-Depot irriżulta li kien hemm Lm31,640 (€73,701.31) fi flus kontanti u ċekk tal-Mid-Med Bank fl-ammont ta’ Lm307.18 (€715.54) li kien indirizzat lil Stephanie Briffa, mart Jason Briffa.

Harrison kien kompla jispjega li qabel ma’ marru d-Depot hekk kif kienu qed jagħmlu l-indaġni fl-inhawi ta’ Apple’s Eye Restaurant, ħin minnhom fil-bogħod fl-inhawi tal-lukanda l-antika seta’ jara wiehed mill-persuni suspettati, u l-vettura tiegħu pparkjata ‘l boghod li f’ħin minnhom rawha ssuq b’ċertu speed il-barra minn Ghajn Tuffieħa sejra fid-direzzjoni tal-Mġarr.

Wara madwar 400 mitt metru mir-restaurant Apple’s Eye, l-Assistent Kummissarju Norbert Ciappara u hu rnexxielhom iwaqqfuha b’vettura tal-mobile. Jghid li minn tfittxija li saret fil-vettura msemmija ta’ Raymond Bonello, nstabu, fost l-oħrajn, mobile phone, basket tal-plastik b’xi affarijiet fih u kif ukoll ‘picnic cooler’ ġdid.

Norbert Ciappara qal li fil-bidu ta’ Ġunju 2001 beda jagħmel investigazzjoni fil-konfront ta’ Joseph Grech li jgħid kien indikat lill-Pulizija li kien qed jipprepara sabiex jimporta ammont ta’ kokaina ġewwa Malta.

Jgħid li minn investigazzjoni li kienu qed jagħmlu huma u s-Servizzi tas-Sigurta’ kien qiegħed jirriżulta li nvoluti f’din l-operazzjoni biex tiddaħħal il-kokaina f’Malta kien hemm Joseph Grech, Jason Manuel Briffa, Raymond Bonello, Sandro Psaila, Saviour Azzopardi u certu Publius Micallef.

Kompla li rriżulta li kien hemm żewġ gruppi ta’ nies involuti: waħda li kienet iffurmata minn Sandro Psaila, Saviour Azzopardi u Raymond Bonello u l-oħra li kienet iffurmata minn Joseph Grech, Jason Manuel Briffa, PubliusMicallef u l-imputat Angelo Zahra.

Jgħid li kienu qed isiru t-trattativi sabiex isiru l-arranġamenti biex tiddaħħal il-kokaina f’Malta u li Publius Micallef u Raymond Bonello kienu qegħdin jaġixxu bħala medjaturi bejn iż-żewġ gruppi.

Qal li fis-16 ta’ Lulju 2001 kien qiegħed jirriżulta li t-trattativi kienu se jiġu finalizzati u li dakinhar fil-għaxija kienu ser jiltaqgħu fil-bajja ta’ Ghajn Tuffieħa biex isir traġitt b’dgħajsa lejn l-Italja jew fil-viċinanzi tal-Italja u tinġieb id-droga.

Tenna li minn dak li kien qed jiġi nvestigat beda jidher li seta’ jirriżulta li l-ħajja ta’ Raymond Bonello setgħet kienet fil-periklu għax seta’ kien hemm indikazzjonijiet minn naha ta’ Psaila li jelimina lil Raymond Bonello sabiex wara ikun jista’ jieħu kollox hu (il-flus u d-droga).

Il-Qorti eżaminat bir-reqqa l-provi kollha mressqa f’dawn il-proċeduri u tenut kont ta’ dak li ngħad mix-xhieda, jidhrilha li l-Prosekuzzjoni ma rnexxilhiex tipprova lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni l-element intenzjonali fir-reat ta’ assocjazzjoni li bih gie akkużat Angelo Zahra.

Bla ebda mod kompliet tgħid il-Qorti ma rriżulta lil hinn minn kull dubju dettat mir-raguni li l-imputat Angelo Zahra kien nvolut f’xi assoċjazzjoni bħal ma qed jiġi akkużat bih.

Bl-ebda mod ukoll ma jista’ jingħad li l-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova sal-grad rikjest mil-liġi fil-kamp kriminali l-imputazzjoni migjuba fil-konfront tal-imputat Angelo Zahra. Illi l-provi li hemm fl-atti ma humiex suffiċjenti għal sejbien ta’ htija,

Minn dak li jirrizulta l-Qorti qalet li tista’ biss tispekula u li dawn huma biss konġetturi u xejn ibbazat fuq provi konkreti fl-atti. Finalment, il-Qorti ċaħdet it-talbiet tal-Prosekuzzjoni fir-rigward ta’ friżar u sekwestru tal-assi, u dan wara li Angelo Zahra gie liberat mill-imputazzjoni miġjuba fil-konfront tiegħu.

Il-Qorti kkonkludiet ukoll li l-evidenza kienet ħafna tal-biża’ u bl-ebda mod ma sodisfatt l-oneru tal-prova meħtieġa fil-proċeduri kriminali bil-ko-akkużati l-oħra kollha li ddikjaraw li qatt ma ltaqgħu jew ġew infurmati Zahra kien involut f’xi iffinanzjar ta’ din is-suppost importazzjoni.

Il-Qorti qalet ukoll li x-xhieda tal-uffiċjali nvestigattivi kollha li kienu nvoluti fil-każ hija msejsa fil-maġġor parti tagħha fuq l-interċettazzjonijiet telefoniċi u l-istqarrijiet lilhom magħmula mill-imputati mingħajr assistenza legali, li kif ingħad bl-izviluppi li seħħew fil-liġi penali tagħna ma jistgħux iktar jitqiesu bħala prova valida u li fuqhom Qorti tista’ isejjes xi ħtija.

Ingħad ukoll li nvestigazzjonijiet oħra ma sarux, il-mobile phones elevati qatt ma ġew eżaminati u allura bil-fatt illi fil-jum ndikat fl-akkuża l-Pulizija waqqfu lil Briffa, lil Angelo Zahra u arrestaw lill-persuni l-oħra allegatament involuti, ma hijiex prova waħedha ta’ dan l-allegat ftehim jew pjan maħsub li kien għaddej bejn dawn in-nies. Għal Angelo Zahra deher l-Avukat Joe Giglio.