Lokali Qorti

Sentejn ħabs u multa ta’ €3,000 għal mara fuq traffikar ta’ eroina

Rabat

Mara Għawdxija ta’ 56 sena ġiet kkundannata sentejn ħabs u multa ta’ €3,000 mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech wara li nstabet ħatja li ttraffikat id-droga eroina f’Ġunju tal-2011 u qabel, u li saret reċediva

Maria Conċetta Vella minn Nadur u residenti ż-Żebbuġ Għawdex instabet ħatja mill-Qorti ta’ Għawdex li kienet tisuplixxi d-droga lil diversi persuni fosthom lil ċertu Oman Galea ta’ 19-il sena, li kien instab mejjet b’overdose fil-Fontana, Għawdex.

Mill-provi rriżulta li ftit tal-ġimgħat qabel ma miet fl-2011 Vella kien biegħet l-eroina lill-vittma. Ħareġ ukoll li bejgħ tad-droga kien isir fost oħrajn f’parkeġġ ġewwa Marsalforn fejn id-droga kienet tinħeba f’ħajt tas-sejjieħ fil-viċin.

Dwar il-piena l-Qorti qieset in-natura serjissima tar-reat li bih l-imputata kienet akkużata,u l-kondotta mtappna tagħha minn fejn jirriżulta li nstabet ħatja ta’ traffikar ta’ eroina xejn anqas minn f’ħames okkazzjonijiet, fl-1990, fl-2005, fl-2008, fl-2009 u fl-2011.

Fis-sentenza ittieħdet konsiderazzjoni tal-fatt li dan il-każ li jmur lura għal 2011 u ż-żmien ta’ qabel, f’liema żmien, l-okkazzjonijiet li fihom hemm provi ċari w inekwivokabbli li l-imputata traffikat id-droga, kien biss darbtejn.

Madanakollu jibqa’ l-fatt li r-reat li dwaru qed tinstab ħtija hu reat li qed iwassal għall-rovina ta’ numru ta’ persuni li ma jafx bla limiti, mhux biss ta’ dawk li jikkonsmaw il-prodott traffikat iżda anke għall-familji tagħhom.
Reat li jisfrutta l-iktar dgħajjef, partikolarment iż-żgħażagħ.

Ir-rovina ta’ ħafna tfisser profit u qliegħ ta’ flus għal waħdiet. Il-Qorti qalet li għandha dover tipproteġi lis-soċjeta minn għemil simili, soċjeta tfisser profit u qliegħ ta’ flus għal waħdiet. Il-Qorti qalet li għandha dover tipproteġi lis-soċjeta minn għemil simili, soċjeta` li ma tistenna xejn inqas minnha.

L-Ispettur Frank Tabone li mexxa l-Prosekuzzjoni kien xehed kif nhar is-27 ta’ Gunju, 2011, fis-6:45pm kien instab kadavru f’residenza il-Fontana ta’ Oman Galea. Instabu ħdejh siringi u oġġetti oħra relatati ma abbuż ta’ droga eroina.

Kienu diversi persuni li xehedu f’dan il-każ fosthom ħbieb ta’ Maria Conċetta Vella. Stqarrijiet meħuda ta’ Jethro Camilleri u Steven Durward kienu saru fid-29 ta’ Gunju, 2011.

Durward kien stqarr li Galea kien qed jixtri droga mingħand Vella, u kien mar mal-Pulizija ġewwa Marsalforn minn fejn ġew elevati żewġ pakketti, eroina, li Durward kien stqarr kienu nxtraw mingħand Maria Ċoncetta Vella.

Minbarra Durward anke ċertu Jethro Camilleri, qal li Galea seta’ xtara droga mingħand l-imputata. Din kienet ġiet arrestata u tfittxija fid-dar tagħha rriżultat fin-negattiv.

Vella kienet ċahdet li kellha x’taqsam mal-mewt ta’ Galea jew li biegħet droga. Saħqet li kienet ‘clean’ u lil Oman kienet tirrispettah. Ikkonfermat ukoll Oman kien jabbuża mid-droga, kienet tgħinu, ssajjarlu w ġieli anke flus tagħtu.

Durward kien ukoll semma’ kif darba wara li ra lil Galea jixtri d-droga minghand Vella, mar fuqu, staqsieh xi xtara, u dan tah is-sachets f’idu. Għalhekk mar jaħbihom ġo hajt. Hekk kif l-ispettur sema’ b’dan, ordna tfittxija ghalihom minnufih u dawn is-sachets fil-fatt instabu.

Is-Surġent Frankie Portelli xehed kif wara li arresta lill-imputata, saret tfittxija fil-vettura tagħha, fir-residenza taghha u dik t’ommha. Mill-istqarrija tal-imputata fejn fiha semmiet li kienet qed tgħix ma certu Steve Camilleri, milll-Mosta.

Minn mindu daħlet il-habs qalet li ma kienitx għadha tieħu droga. Fl-ahhar jiem kienet tkun biss ghand ommha u fid-dar tagħha. Toħrog l-iktar biex tikri DVDs ghat-tifel ta’ Steve Camilleri li kien jgħix magġha. Kienet qalet li tirrisjedi għand ommha ġewwa Victoria.

Lil Oman Galea qalet li kienet tafu ghax kien jitkellem ma’ dak li kien il-partner tagħha fuq droga. Saret tafu sew tant li stiednitu għandha flimkien ma ħabib tieghu darbtejn, sitt xhur qabel. Filwaqt li meta mar jiekol ghandha deher “too fit”, erba’ gimgħat qabel ma miet mar għandha iżda suritu nbiddlet.

Qalet li kien stqarr magħha li “reġa’ waqa’”, talabha għas-sigaretti w flus iżda sigaretti biss tagħtu. Tiċhad li biegħet droga lil Oman ghaliex wara li ħarġet mill-ħabs ma rieditx terġa’ tispiċċa gewwa.

Ċaħdet ukoll li li kienet tagħmilha ta’ spiss mal-vittma Galea pero tgħid li darba tagħtu lift minn fuq bus-stop f’Marsalforn u darb’ohra ratu t-Tiġrija. Kienet qalet “Jiddispjaċini għalih imma jien wissejtu kemm il-darba biex ma jieħux”.

F’waħda mill-istqarriiet tagħha l-imputata semmiet li l-partner tagħha għall-aħħar 12 il-sena kien ċertu Joseph Bajada magħruf bhala il-Leslies. Mill-2008 sa Mejju, 2009, għamlet 10 xhur ħabs u meta ħarġet qalet lil Bajada li ma rieditx ikollha x’taqsam aktar ma dik il-ħajja, u wissietu li seta’ jdabbar rasu l’hemm jekk kien se jkompli f’dik it-triq.

Kien Bajada li kien il-‘main supplier’ tagħha għall-eroina li kien itihilha għall-użu tagħha bla ħlas. Qalet li rat lil Bajada ibiegħ droga darbtejn fl-2008 u ta’ sikwiet hu kien jikkonsma d-droga.

Saħqet li ġewwa darha ħadd ma mar jixtri droga mingħandu. Għal xi tliet xhur, bejn 2007-2008, qalet li kienet tixtri droga minghand ċertu Charles Mifsud, “il-Kajsu”, li anke kien jheddidha.

Xtrat anke mingħand certu Grezzju Spiteri, “il-Ħanżira”, li jgħix taċ-Ċawla u li l-ahhar li xtrat mingħandu kien fl-2007. Qalet li dan kien ibiegħ eroina w kokaina. Xehdet li minħabba f’Bajada tilfet il-kuntatt ma binha u familtu.

Baqgħet miegħu għalkemm taf bit-taħwid tiegħu minħabba li hi waħedha w hu kien ta’ kumpanija għaliha; tibża minnu wkoll għax tissawwat minnu.
Fiha tikkonferma li meta klijenti kienu jmorru d-dar ta’ Bajada biex jixtru d-droga, kienet tara l-pakketti tal-eroina għaddejjin minn idejh għal għandhom; dawn kien ibieghom bil-LM5 jew LM10.20

Jethro Camilleri kkonferma quddiem il-Magistrat Inkwirenti l-istqarrija li rrilaxxa lill-pulizija. Fiha stqarr li “Oman stess qalli li kien rega’ beda jieħu darba fil.”.

Ikompli, “Naf li kien qed ikun ma ċertu waħda Connie….minn mindu daħal ir-raġel tagħha l-habs beda jmur jgħinha fil-qadi, u anke ġieli telgħatu Malta, u krietlu xi lukanda, u anke daħħal id-droga eroina lejn Għawdex…

“Dan nafu għax qalli hu, Oman, u qal ukoll li kienet ittih pakkett eroina b’xejn kuljum…ilu jgħamilha magħha minn meta r-raġel ta’ Connie daħal il-habs….Jiena dan l-aħħar, daqs 15-ilu kont narah jidħol fil-karozza ta’ Connie u jkellimha”, iżda qatt ma raha taqdih.

Fil-bidu kien qallu li ma kienx jinqeda għad-droga mingħand Connie. Camilleri ddikjara li hu stess kien jixtri drogi mingħand Connie “dan ilu qabel ma daħal il-Lesliz il-habs”.

B’dan Camilleri mplika direttament lill-imputata li kienet tbiegħlu d-droga. Meta kien qed jikkonferma bil-ġurament din l-istqarrija, Camilleri qal “jiena għamilt żmien nixtri d-droga mingħand il-partner li kellha qabel din Connie.

Dan kellu laqam il-Leslies…dik il-ħabta Connie kienet tkun miegħu meta dan kien ibiegħli d-droga kont immur għand Joseph Bajada, u hi kienet tkun hemmhekk, u darba ukoll kont taċ-Ċawla li ġiet taqdini hi, quddiem il-ħanut… Ghall-pakkett ta’ eroina kien ihallas €20″.

Jiddikjara li kien dakinhar biss li xtara droga direttament minghand l-imputata u li ż-żmien meta din kienet tkun mal-Leslies, meta xtara mingħandu d-droga, kien fl-istess żmien, jiġifieri Ġunju, Lulju, tal-2009.

Steven Paul Durward wkoll irrilaxxa stqarrija fejn jsemmi li Oman “kien ikun ħafna ma’ Connie minn Marsalforn …. kont nara lil Oman jibaxxa għal ġewwa l-karozza tagħha, jagħtiha l-flus u hi tagħtih żewġ pakketti, dan innutajtu xi darbtejn, t-tieni darba fil-parkeġġ ta’ Marsalforn. Oman kien qallu li kienet eroina.

Il-Kuntistabbli Paul Azzopardi xehed kif hu, u Steve Deward niżlu fil-parkeġġ ta’ Marsalforn fejn Steve allega illi ħalla żewg sachets ġo xaqq tal-hajt tas-sejjieh fil-parking area: “Morna hemmhekk fuq il-post…hemmhekk eh irrikonoxxa l-post fejn kienu u sibnihom hemmhekk fil-post li semma huwa.

Fir-rapport tiegħu l-ispiżjar Mario Mifsud jikkonkludi li f’dawn is-sachets li “kienu separatament imgeżwra ġo bicciet ta’ foil instabu traċċi tas-sustanza eroina fl-ammont ta’ 0.24grammi b’purita ta’ 18.7%.

L-imputata filwaqt li dejjem ċaħdet li biegħet id-droga lil Oman, qalet li kienet ukoll toħroġ ma’ ċertu Steve Camilleri mill-Mosta, ‘miegħu kont meta ġew jarrestawni lili, kont għand il-mummy, u x’ħin ġew jiġbruni jiena lanqas kont naf li Oman miet għax kont ilni ma narah fuq xi xahar. Qalet li anke Camilleri kien jerfa’ jdejh fuqha.

Għax kien iċempilli l-aħħar xahar, għax kien tela’ qabel għandi u rajtu għolob. F’illi bodybuilder bħat- tifel tiegħi, u f’illi spiċċa qisu skeletru. Il-Qorti qieset mill-provi ħareġ li Steve Camilleri qal li l-imputata tul is-sena li għamlu flimkien, kienet dejjem miegħu.

Minkejja li ibnu kien jgħix magħhom u kien jinżel Malta għall-iskola, ma kien qatt il-każ li għal xi ħin, qasir kemm hu qasir, l-imputata tħalliet waħedha. Dikjarazzjoni li twassal lill-qorti tikkonkludi li kieku minnha, l-unika relazzjoni bejn ix-xhud u l-imputata kienet tkun waħda ta’ stalking, harassment u skjavitu`!

Xi ħaġa li l-Qorti rat stramba li għal darba oħra hija kienet toqgħod ma’ xi ħadd li jerfa’ jdejh fuqha. Il-Qorti nnutat li Jethro Camilleri jixhed li Vella ma kienitx estraneja għad-dinja tat-traffikar fid-drogi!

Meta kien jixtri d-droga mingħand il-Leslies, l-imputata kienet tkun miegħu; żirkostanza li għalkemm ma tippruvax li kienet hi li kienet qed tmexxi d-droga, madanakollu ma ddejqet xejn tkun preżenti għan-negozju tant qerriedi!

Isemmi, “jiena għamilt żmien nixtri d-droga mingħand il-partner li kellha qabel din Connie. Dan kellu laqam il-Leslies…dik il-ħabta Connie kienet tkun miegħu meta dan kien ibiegħli d-droga ….kont immur għand dan il-persuna, Joseph Bajada, u hi kienet tkun hemmhekk.”

Il-Qorti qalet li aktar rilevanti u ta’ importanza kbira ai fini ta’ dawn il-proċeduri, hi d-dikjarazzjoni ta’ Camilleri, “darba ukoll kont taċ-Ċawla li ġiet taqdini hi, quddiem il-ħanut.

Fix-xhieda tagħha mogħtija f’Novembru, 2009, hija ssemmi kif meta ħarġet mill-ħabs f’Mejju, 2009 kienet baqgħet f’relazzjoni mal-Leslies peress li kienet tibża minnu għax kien issawwatha.

Ghalhekk dak li kien qal Jethro Camilleri jagħmel sens meta tenna li kien f’Ġunju u Lulju, 2009 li kien jinqeda għall-eroina minghand il-Leslies u minghand l-imputata direttament.

Mhux talli l-Leslies kien il-ħabs, kif qalet hi, iżda kemm il-Leslies kif ukoll Maria Concetta kienu t-tnejn igawdu mill-liberta meħtiega li ppermettilhom jissoktaw bin-negozju tat-traffikar ta’ droga fiż-zmien li jissemma’ minn Camilleri.

Parentesi żgħira dwar il-kreddibilita` tal-imputata meta tixhed issemmi kif il-Leslies kien issawwatha. Kien ibiegħ id-droga w ssagrifikat familtha biex tibqa’ miegħu. L-istess Vella anke rigward Steve Camilleri tallega li kien issawwatha: “Issa, imbagħad billi kont ngħix ma’ Steve Camilleri, kien iħobb jerfa’ idejh Steve Camilleri fuqi.”.

Possibbli li wara l-esperjenza mal-Leslies ghazlet li tibqa f’relazzjoni ma bniedem li ukoll kien isawwatha? Kif wasslet taghmel stqarrija kontra il-Leslies dwar traffikar ta’ droga, piena li ggib l-għomor il-ħabs, possibbli li jekk dan kien minnu, ma wasslietx tirraporta lil Steve Camilleri lill-Pulizija? Finalment mal-għoti tas-sentenza il-Qorti ordnat d-distruzzjoni tad-droga esebita fl-inkjesta.