Għawdex Lokali

U-turn oħra mill-Gvern

Għal dawn l-aħħar snin, l-Għawdxin ilhom jistennew sabiex jibda s-servizz tal-fast-ferry bejn iż-żewġ gżejjer. Wara tilwimiet twal fil-qorti rigward offerti maħruġa għal kumpaniji li joffru dan is-servizz, riċentement, il-Ministru tat-Trasport Ian Borg iddikjara li dawn il-pjanijiet twaqqfu wara “bidla fil-politika” u minflok se jmorru għal servizz hop-on-hop-off li tieqaf f’sitt destinazzjonijiet, jiġifieri, Marsaxlokk, il-Belt Valletta, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u Għawdex.

Il-Grupp Universitarji Għawdxin (GUG) jixtieq jesprimi d-diżappunt u r-rabja tiegħu għall-fatt li wara snin ta’ tama u wegħdiet, ġew imċaħħda minn dan is-servizz li jagħmel il-ħajja tal-istudenti Għawdxin aktar faċli. Il-fast ferry mhux biss kienet tipprovdi vjaġġ iqsar bejn Għawdex u Malta għal studenti, ħaddiema u dawk li għandhom bżonn jattendu appuntamenti fl-isptar, imma setgħet ukoll tnqqas it-traffiku fiż-żona ċentrali ta’ Malta u tipprovdi soluzzjoni għal dawk l-individwi li ma jkunux jistgħu jikru f’Malta.

Jidher li l-prijoritajiet tal-Għawdxin ngħataw il-ġenb, minflok il-Gvern għażel li jsaħħaħ is-servizz turistiku provdut f’dawk iż-żoni. Napprezzaw li t-turisti jikkontribwixxu bil-kbir lejn l-ekonomija lokali, madankollu, l-iffaċilitar tal-ħajja taċ-ċittadini lokali għandha tkun fuq quddiem fl-aġenda ta’ kwalunkwe Gvern. Il-GUG tisħaq li huwa neċessarju li l-Għawdxin jivvjaġġaw lejn Malta, jew biex ikomplu l-istudji tgħhom, jaħdmu, għal appuntamenti mediċi u affarijiet oħra.

Il-GUG jixtieq jappella lill-Gvern Malti biex jirrevedi l-U-turn tiegħu dwar il-fast-ferry ferry u jgħin lill-familji Għawdxin, studenti u ħaddiema billi jintroduċi dan is-servizz tant meħtieġ u tant mistenni.