Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: 29 każ pożittiv – l-attivi jitilgħu għal 440

Fl-aħħar 24 siegħa kienu rreġistrati 29 każ pożittiv ġdid ta’ Coronavirus f’pajjiżna, bl-ammont ta’ każi attivi issa jitla’ għal 440. Dan meta fl-aħħar sigħat irriżulta li erba’ persuni oħrajn fiequ, filwaqt li l-ammont totali ta’ każi mis-7 ta’ Marzu ‘l hawn tela’ għal 1,141.

Fil-bulettin imħabbar mill-Ministeru tas-Saħħa fuq Facebook kien spjegat li tlieta mill-aħħar każi rriżultaw fl-Isptar Monte Karmeli, tnejn oħrajn minn Paceville, ħamsa minn familji li diġà kellhom każi pożittivi u wieħed mill-post tax-xogħol fejn diġà kienu rriżultaw xi każi oħrajn.

Dan ifisser li t-18 li jifdal huma każi sporadiċi … jiġifieri mhux magħruf minfejn ħadu l-virus. Il-Ministeru tas-Saħħa mhux jagħti wisq aktar informazzjoni, fosthom anke dwar dawk il-persuni li rriżultaw pożittivi appena waslu f’pajjiżhom minn vaganza f’Malta.

Iż-żieda qawwija ta’ każi fil-gżejjer tagħna qed iwassal lil diversi biex jitolbu lil min iżurna jagħmel kwarantina obbligatorja … f’messaġġ ċar li fil-verità pajjiżna m’għadux l-aktar pajjiż sigur fil-ġlieda kontra l-Coronavirus.