Il-President tal-Assoċjazzjoni Medika Maltija żvela li llum se jkollna rekord ta’ każi ġodda ta’ Covid-19.
Dan intqal mit-tabib Martin Balzan meta illejla kien intervistat fil-programm ‘Magħkom’ mill-ġurnalist James Aaron Ellul.
Matul l-intervista Martin Balzan tkellem dwar il-mod insensittiv li bih il-Prim Ministru Robert Abela qed jitratta din il-kriżi medika. Abela qed jibqa’ jgħid li s-sitwazzjoni hi taħt kontroll, meta fir-realta’ nafu li n-numri tal-Coronavirus f’pajjiżna splodew.
Ilbieraħ fuq Net TV, Martin Balzan qal li “in-numri fl-isptar irduppjaw f’ġurnata”.
Intant, illejla r-reġjun tal-Puglia fl-Italja ħabbar li se jibda jimponi kwarantina għall-persuni kollha ġejjin minn Malta. Dan se jaffetwa b’mod partikolari l-vaganzi li hemm pjanati f’Bari u l-madwar.
Il-Gvernatur tal-Puglia Michele Emiliano stqarr li din il-kwarantina obligatorja se tkun imposta minn għada, u se tkun kwarantina ta’ 14-il jum.
