Lokali

Fekruna tbid ir-raba’ bejta – it-tieni waħda fl-Għadira

Tard it-Tnejn filgħaxija għall-ħabta tad-disa fekruna oħra nqabdet tbid f’Bajja Maltija, ir-raba’ waħda fl-aħħar xhur fil-Gżejjer Maltin, u t-tieni waħda fil-Bajja tal-Għadira, fil-Mellieħa.

Dan ħabbritu Nature Trust fejn ġie spjegat li l-bejta hija ferm fil-qrib tal-bejta preċedenti fejn quddiem persuni li f’dak il-waqt kienu fuq il-bajja jgawdu lejla sajfija taħt il-kwiekeb – ħadu sorpriża liema bħala meta fekruna telgħat fuq il-bajja ramlija u biedet hemm.

Għaldarb’oħra, l-awtoritajiet qed jappellaw għal koperazzjoni tal-pubbliku sabiex jipproteġu kemm jista jkun l-bajd tal-fekruna.

Intant, fil-ġimgħat li ġejjin mistennija aktar bajd ifaqqsu wara li tmintt’ijiem faqqsu xejn inqas minn 73 fekruna fil-Bajja tar-Ramla l-Ħamra wara li aktar minn xahrejn ilu, fekruna tal-ilma baħar telgħet fuq din il-bajja. Dan kien l-ewwel darba, wara 70 sena, li l-gżira Għawdxija esperjenzat avveniment bħal dan.