Internazzjonali

Il-belt ta’ Auckland taħt lockdown, fost każi ġodda ta’ infezzjoni fi New Zealand

Il-PM ta' New Zealand Jacinda Ardern fil-Parlament

Is-sitwazzjoni fi New Zealand għaddejja minn taqlib ġdid wara li l-pajjiż irrapporta l-ewwel każi ta’ infezzjonijiet bil-Covid-19 li kienu trasmessi ‘minn sors lokali’. Dan wara ftit aktar minn 100 jum konsekuttiv fejn il-pajjiż ma kienx irrapporta mqar każ wieħed tal-coronavirus.

L-aħħar rapporti qalu li, fil-fatt, instabu erba’ każi ġodda tal-Covid-19 fost il-membri ta’ familja fil-belt ta’ Auckland. Madankollu, is-sors ta’ dawn l-infezzjonijiet baqa’ mhux magħruf, bil-proċeduri ta’ sors tracing ikomplu għaddejjin.

Bi tweġiba għas-sitwazzjoni, il-Prim Ministru ta’ New Zealand, Jacinda Ardern, ħabbret li Auckland kienet qed tħejji għal lockdown fuq bażi ta’ ‘level 3’ u li għandha ddum sa nofs-il lejl tal-Ġimgħa. Dan ifisser li r-residenti kollha f’din il-belt iridu jaħdmu mid-dar – ħlief għas-sitwazzjonijiet li jinvolvu ħaddiema għal servizzi essenzjali.

Il-faċilitajiet pubbliċi, il-bars, ir-ristoranti u n-negozji wkoll se jkunu magħluqin f’Auckland – bl-attivitajiet għall-massa se jkunu limitati għal 100 persuna madwar New Zealand.

L-aħħar każ ta’ trasmissjoni lokali bil-Covid-19 kien imur lura għall-Ewwel ta’ Mejju – ġranet sħaħ wara li New Zealand kien beda jnaqqas mil-lockdown.

Fi New Zealand mietu total ta’ 22 persuna bil-virus mill-aħħar ta’ Frar sallum.

Intant, il-proċeduri għal lockdown immedjat, flimkien ma restrizzjonijiet riġidi mal-fruntiera u programmi aggressivi fuq bażi ta’ test-and-trace kollha kienu għenu għall-eliminazzjoni tal-virus għal għexieren ta’ jiem f’dan il-pajjiż.

Sadanittant, Jacinda Ardern qed tħeġġeġ biex il-poplu fi New Zealand ma jaqtax qalbu dwar l-aħħar każi tal-Covid-19 u sostniet li ‘il-pajjiż jaf x’għandu jagħmel biex jikkonfronta l-intopp għaliex irnexxa fit-tentattivi simili preċedenti’.