Lokali Qorti

Il-kumpilazzjoni ta’ Salvu Dalli mixli bil-qtil ta’ ibnu għal bħal għada ġimgħa

Il-kumpilazzjoni ta’ Salvu Dalli ta’ 68 sena magħruf bħala “Danger Man” mixli bil-qtil ta’ ibnu nhar il-Ġimgħa li għaddiet fir-residenza tiegħu f’Ħal Għaxaq se tibda bħal għada ġimgħa, 19 ta’ Awwissu, fl-9.45am.

Ix-xorti permezz tal-polza messet lill-Maġistrat Marsanne Farrugia, biex quddiemha jibdew jinstemgħu l-provi minn naħa tal-Prosekuzzjoni dwar il-qtil ta’ Antoine Dalli ta’ 37 sena, li nstab mejjet mill-Pulizija fil-kamra tal-banju fid-dar ta’ missieru li tinsab fi Triq il-Gudja.

Antoine Dalli miet kaġun ta’ tir ta’ senter f’nofs l-istonku tiegħu. Missieru Salvu Dalli, li tressaq il-Qorti nhar is-Sibt li għadda, wieġeb mhux ħati għall-omiċidju ta’ ibnu. Il-Pulizija qalet li l-arma li aktarx intużat fid-delitt instabet fuq sodda fl-istess dar.

L-awtopsja fuq il-katavru ta’ Antoine Dalli ikkonfermat li l-vittma tal-omiċidju nqatel min tir wieħed fatali f’żaqqu. L-arma li ntużat hija senter, li ġie elevata mill-Pulizija. Kollox jindika li din kienet kwistjoni familjari.

Il-Pulizija qalet li kienet irċeviet numru ta’ rapporti dwar iż-żewġt irġiel fil-passat, bit-tnejn li huma magħrufin mal-Pulizija. Fil-fatt fi Frar li għadda Salvu Dalli kien ingħata sentenza sospiża ta’ sentejn priġunerija sospiżi għal sentejn wara li kien ammetta li kien ta daqqiet ta’ sikkina lis-sieħba ta’ ibnu fiż-Zejtun. Huwa kien immultat ukoll €500.

Kienet ukoll ħarġet ordni ta’ protezzjoni għall-perjodu ta’ erba’ snin fil-konfront tal-mara vittma. L-avukati Lennox Vella u Marisa Mifsud, li qegħdin jidhru għall-akkużat, kienu qalu lill-Maġistrat Astrid May Grrima, li quddiemha tressaq b’arrest Salvu Dalli, li l-akkużat qed jirċievi kura l-isptar u se jkun jeħtieġ li jibqa’ jirċievi aktar kura sakemm jinżamm fil-kustodja tal-Pulizija.

Sadanittant ma kienet saret l-ebda talba għal ħelsien mill-arrest. Il-Qorti orndat li d-direttur tal-ħabs jasigura li Dalli jiġi eżaminat minn tabib u jirċievi l-kura meħtieġa.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Roderick Attard. L-Avukati Franco Debono u Kathleen Grima qegħdin jidhru għall-familja tal-vittma.