Lokali

Il-PA bi protezzjoni għal villa f’Ħal Tarxien li tiftakar il-miġja tal-Kavallieri

Projbit l-iżvilupp qawwi quddiem il-Villa

Ser tingħata aktar protezzjoni lil Villa Barbaro, f’Ħal Tarxien – binja li partijiet minnha jmorru lura sal-miġja tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.

Dan tħabbar mill-Awtoità tal-Ippjanar fejn ġie spjegat li grazzi għal kollaborazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali – ż-żona ta’ protezzjoni ser tiġi estiza wkoll għal xi proprjetajiet li jinsabu faċċata tal-Villa.

Ġie spjegat li l-ewwel ma ngħatat protezzjoni kien lura fl-2009 – fejn ingħata protezzjoni lill-istallel, ġonna u ankè sqaq privat. Madanakollu issa nħasset il-ħtieġa li tingħata wkoll protezzjoni lill-viżwal ta’ madwar din il-binja ta’ preġju kbir, minn xi żvilupp fi Triq iż-Żejtun.

Villa Barbaro kienet mibinja fis-Sittax-il Seklu mill-familja Barbaro – b’xebħ qawwi arkitettoniku mal-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Girgenti kif ukoll Palazzjoni Gomerino fir-Rabat. Apparti dan, tul it-Tieni Gwerra Dinjija din il-binja ntużat bħala kamp ta’ taħriġ għas-suldati awżiljarji.