Coronavirus Lokali

“Jekk mhux kulħadd se jaġixxi b’responsabbiltà se jmutu n-nies” – Tanya Melillo

Ħafna nies qed joħorġu u mhux isegwu d-direttivi maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa, u jekk mhux kulħadd se jerġa’ jibda jaġixxi b’mod responsabbli, se jibdew imutu n-nies. Hekk stqarret il-kosulent tas-Saħħa Pubblika Tanya Melillo waqt intervista fuq Radio 103.

Hija qalet li persuni li qed imorru f’postijiet fejn ikun hemm għadd ta’ nies miġbura u ma tinżammx id-distanza soċjali u ma tintlibisx il-maskra, qed jirriżultaw pożittivi għall-virus.

It-tabiba qalet li żagħżugħ li jaqbdu l-virus jiġi iżolat, iżda l-qraba tiegħu qed jispiċċaw kwarantina, u f’każi fejn hemm djar iffullati jew żgħar qed ikun hemm inċidenza għolja tal-virus.

Hi spjegat li d-dipartiment respnsabbli mill-eżerċizzju tal-contact tracing mhux qed ilaħħaq mal-ammont kbir ta’ xogħol.

Melillo spjegat li l-awtoritajiet tas-saħħa qed jagħmlu minn kollox biex jinstaba bilanċ u biex jevitaw li n-nies jerġgħu jissakkru ġewwa, imma dan hu biss possibbli jekk nimxu mal-miżuri.

Il-konsulent qalet li hemm lista ta’ nies li qed jistennew biex isirilhom test, iżda d-dipartiment irid jagħżel li jagħmel l-ewwel dawk it-testijiet ta’ persuni li għandhom is-sintomi jew kellhom kuntatt dirett ma’ min kien pożittiv.

Melillo qalet li li tgħum fil-baħar mhux perikoluż, u li l-periklu jidħol biss jekk tkun qiegħed qrib ħafna ta’ persuni oħra.

Hi stqarret li jekk in-numru tal-każi f’pajjiżna jiżdiedu, ikollhom jiżdiedu wkoll il-miżuri.

Mistoqsija jekk taħsibx li s-sitwazzjoni hux se tiggrava jew titjieb, it-tabiba qalet li bir-rata tat-trażmissjoni preżenti, il-każi jiżdiedu biss jistgħu, u jekk in-nies jiqgħu jaġixxu mingħajr responsabbiltà is-sitwazzjoni tista’ tiggrava.

F’appell żgħir li għamlet, Tanya Melillo qalet li min qed iħoss xi sintomi għandu jmur jagħmel swab imma mbagħad imur lura d-dar u ma joħroġx u għalqet bil-kliem “jekk jogħġobkom aħsub f’ħaddieħor”.