Coronavirus Lokali Saħħa

Jitħassar l-Airshow kawża taż-żieda fil-każi

“Kawża taż-żieda fil-każi ta’ Covid-19 kemm f’Malta kif ukoll mal-bqija tal-Ewropa, ġie deċiż li l-Malta International Airshow ta’ din is-sena jiġi kkanċellat.”

Dan tħabbar fuq il-paġna uffiċjali tal-Air Show Internazzjonali ta’ Malta fuq Facebook fejn ġie spjegat li d-deċiżjoni li jintroduċi numru ta’ standards mill-Gvern Malti fuq l-organizzaturi fejn għandu x’jaqsam attivitajiet tal-massa – kellu effett dirett inkluż fuq dan l-avveniment.

Il-Malta Aviation Society hija tal-idea li l-ispettaklu jaqa’ proprju f’din il-kategorija u għaldaqstant waqfet ħesrem kull preparament għall-edizzjoni tant mistennija ta’ din is-sena li kellu jiġi organizzat bejn is-26 u s-27 ta’ Settembru.

Intant din is-Soċejtà spjegat li preżentament qed tistenna risposta mill-Awtorità Maltija għat-Turiżmu sabiex il-ftehim dwar dan l-avveniment jiġi pospost għas-sena 2021 sabiex il-preparamenti għas-sena d-dieħla jiskattaw awtomatikament mingħajr ebda tfixkil.