Lokali

Kardjologa tinsisti li “dan mhuwiex bħal riħ normali”

Pajjiżna fl-aħħar jiem sab ruħu f’dik li qed tkun meqjusa bħala t-tieni mewġa ta’ Covid-19.  B’żieda ta’ 106 każi fi żmien tlett ijiem biss, din it-tieni mewġa tidher akbar minn dik li bdiet fis-7 ta’ Marzu, meta ġie rreġistrat l-ewwel każ fil-gżejjer Maltin.

Dak li nafu llum dwar il-Covid, huwa ferm differenti minn dak li konna naħsbu sa ftit tax-xhur ilu.

Stqarret dan il-kardjologa Melanie Zammit Burg, li ma’ Net News spjegat kif pajjiżna issa, anke skont hi, jinsab fit-tieni mewġa tal-virus.

“Meta ma konniex nafu ħafna fuq il-virus ħafna kienu jaħsbu dan qisu riħ komuni iġri nittieħed ħalli nrabbi l-immunità. Jien l-ewwel waħda nammetti. Imma issa nafu aktar dwaru. Nafu li dan il-virus mhuwiex bħal riħ normali, jittieħed ħafna u jista’ jkollu konsegwenzi koroh u long-term, jiġifieri permanenti.”

Il-kardjologa spjegat illi min hu vulnerabbli għandu ferm aktar riskju li jieħu l-virus. Madankollu, studju li sar fil-Ġermanja juri li anke persuni b’saħħaithom jistgħu jiżviluppaw komplikazzjonijiet fil-qalb wara li jkunu fiequ mill-virus

“Ħareġ studju interessanti f’Lulju li għadda mill-Ġermanja fejn raw 100 individwu li fieq mill-COVID, għamluhlhom MRI tal-qalb u sabu tlett kwarti minnhom kellhom feriti fil-qalb. U dawn kienu healthy u ħadu l-COVID meta kienu fuq skiing trips.”

It-tabiba spjegat li persuni li għandhom kundizzjonijiet tal-qalb jinsabu f’riskju akbar minn persuni oħrajn.

“Jekk l-overall mortality rate hija 2%, jekk inti għandek kundizzjonijiet serji tal-qalb ir-risku li inti tmut bil-COVID jitla’ għal 10% jiġifieri mhux ċajta.”

Zammit Burg tkellmet ukoll dwar persuni bi problemi tal-qalb li qabadhom il-virus u spjegat x’kienu l-effetti tal-Covid fuqhom.

“Nies b’COVID ippreżentaw b’modi differenti. Preżentaw b’attakk tal-qalb, b’heart failure, fejn il-pulmun jimtela’ bl-ilma u inti tbati b’ħafna qtugħ ta’ nifs, u anke b’cardiac arrest.”

Melanie Zammit Burg temmet l-intervista billi appellat sabiex kulħadd iżomm mad-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa fosthom l-ilbies tal-maskri, iż-żamma tad-distanza soċjuali u l-iġjene.

“Dejjem segwu informazzjoni li hija evidence based mill-Public Health, Mid-Who ECDC, eċċetera.”