Internazzjonali

Libanu: Il-protesti jkomplu minkejja r-riżenja tal-Gvern

Il-belt kapitali tal-Libanu għaddiet mit-tielet lejla konsekuttiva ta’ protesti fost il-mewġa ta’ rabja għall-isplużjoni devastanti ta’ ġimgħa ilu li ħalliet ‘il fuq minn 200 mejtin u ammont kbir ta’ feruti u persuni neqsin.

L-inkwiet kompla għal sigħat wara li rriżenja l-Kabinett tal-Prim Ministru Lebaniż Hassan Diab, fost konfronti barra l-bini tal-Parlament f’Bejrut, fejn id-dimostranti garaw il-logħob tan-nar lejn il-pulizija, li wieġbu bil-gass tad-dmugħ.

L-eks Prim Ministru Diab qal li l-isplużjoni ta’ ġimgħa ilu fil-port ta’ Bejrut – u li kienet dovuta għal ħażna kbira ta’ kimika (ammonium nitrate) li tħalliet hemm għal snin —  għandha tkun assoċjata ‘ma sistema ta’ korruzzjoni endemika’. Diab, iżda, qed iwarrab għal kull responsabbiltà fil-każ.

L-isplużjoni qerdet il-bini viċin il-port minbarra li kkaġunat ħsarat estensivi madwar Bejrut, fejn il-mijiet tal-eluf spiċċaw bla dar. Qabel it-traġedja, il-Libanu kien diġà qed jiffaċċja kriżi ekonomika bla preċedent, bil-familji qed ibatu l-ġuħ u l-faqar.

Id-dimostranti fil-Libanu ilhom ix-xhur jipprotestaw għal bidla assoluta fis-sistema politika tal-pajjiż li jgħidu qed tixpruna l-korruzzjoni fl-ogħla istituzzjonijiet tal-Gvern, minbarra tmexxija ħażina fl-aktar setturi importanti.

Issa, Hassan Diab — professur tal-università li kien ħa l-poter f’Jannar – qed isostni li ‘l-elit politiku li ilu s-snin li rabba l-għeruq fil-Libanu għandu jġorr ir-responsabbiltà għall-isplużjoni’.

Madankollu mhux probabbli li r-riżenja tal-Gvern ta’ Diab għandha jnaqqas mill-qilla tal-protesti, meta l-problemi tal-Libanu għadhom kbar ħafna. Fil-fatt, il-Prim Ministru ġdid ikun irid jintgħażel bl-istess sistema politika li qed tibbaża fuq il-gruppi speċifiċi li ilhom żmien mira tal-għadab popolari fil-pajjiż.