Lokali

“Mhux se nħares lura” – il-PM f’nofs it-tieni mewġa

“Mhux se nħares lura”. Din id-dikjarazzjoni għamilha il-Prim Ministru Robert Abela hekk kif f’dawn l-aħħar jiem kompliet tiżdied il-pressjoni u l-għadab pubbliku għall-mod kif splodiet l-imxija tal-Coronavirus f’pajjiżna fi ftit iktar minn tliet ġimgħat.

Robert Abela kien qed jindirizza l-introduzzjoni tal-laqgħa tal-Kabinett li saret fil-bini tal-Kamra tal-Kummerċ fil-Belt Valletta.

Fil-fatt, is-sitwazzjoni preżenti …bil-virus jerġa jerfa’ rasu… ftit li xejn ma kienet trattata mill-Prim Ministru. Iżda hu ghazel biss li jerga’ jiftahar bid-deċiżjoni li jikkancella erba’ parties tal-massa, wara li kien l-istess Gvern, permezz tal-MTA, li għamel promozzjoni biex jiġu dawn l-avvenimenti tal-massa wara li kienu tħassru f’pajjiżi oħrajn.

Issa, id-diskors donnu inbidel, bil-Prim Ministru jgħid li l-pandemija wasslitu biex jirrifletti dwar il-kwalita’ tal-ħajja u li t-tkabbir ekonomiku jkun wieħed sostenibbli. Fil-fatt, it-tkabbir ekonomiku li jirrispetta l-kwalita’ tal-ħajja hu wieħed minn ħames punti li semma’ Robert Abela għal dik li qed isejjaħ strateġija fit-tul.

Il-punti l-oħra huma il-Governanza Tajba u t-tibdil fil-qafas leġislattiv, l-Edukazzjoni, b’enfasi fuq preparazzjoni tal-istudenti u l-edukaturi f’oqsma ġodda li huma meħtieġa fl-ekonomija diġitali; l-Infrastruttura fosthom it-toroq, sistema ta’ trasport tal-massa u t-tieni cable tal-fibre optic li tgħaqqad lil Malta mal-kontinent Ewropew. L-aħħar punt ikun il-mira li pajjiżna jkun carbon-neutral sal-2050, b’miri intermedjarji kull 10 snin.

Min-naħa tiegħu, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, il-Perit David Xuereb, fakkar kif fi Frar li għadda il-Kamra tal-Kummerċ kienet nediet dokument dwar il-viżjoni ekonomika ta’ Malta. Hu qal li dan ġie aġġornat għaż-żminijiet li għaddejjin bħalissa.

David Xuereb fakkar kif Malta niżlet żewġ postijiet fl-indiċi tal-kompetittivita’ qabel faqqgħet il-pandemija.

Hu sostna li jekk naħdmu aħjar minn pajjiżi oħra biex b’mod għaqli nerġgħu nibnu l-ekonomija, pajjiżna ikun jista’ jiggwadanja xi postijiet fl-indiċi tal-kompetittivita’ li jfisser tkabbir ekonomiku.