L-edukazzjoni tal-istudenti Maltin se tkompli fit-28 ta’ Settembru, imma sal-lum m’hemmx pjan konkret ta’ kif.
Għax hekk kif pajjiżi oħrajn għadhom qed itellgħu u jniżżlu x’se jagħmlu dwar l-iskejjel, il-Ministru tal-Edukazzjoni Malti, Owen Bonnici, jinsab kommess li seba’ ġimgħat oħra jiftħu l-iskejjel.
Madankollu … ezatt kif u x’fatta għadu ma jafx.
Il-Ministru Bonniciċ qal li għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-istakeholders kollha, u li dawn huma l-affarijiet li qed ikunu diskussi.
Kliem li ftit li xejn mistenni jkun ta’ wens għall-ġenituri tal-istudenti, aktar u aktar għall-ġenituri ta’ tfal li huma meqjusa bħala vulnerabbli u li qed jistennew pjan ċar ta’ kif uliedhom se jkunu jistgħu jkomplu jirċievu l-edukazzjoni tagħhom.
NET News staqsa lill-Ministru speċifikament, x’miżuri hemm preparati biex ikunu protetti dawn it-tfal. Dawn, wieġeb Bonnici, huma dettalji li wkoll qed jiġu diskussi mal-għaqdiet u mal-istakeholders ewlenin.
S’issa mhux magħruf lanqas kif se jitkompla t-tagħlim fl-Università, fejn iż-żona ta’ Gateway sal-lum għadha qed isservi bħala parti mill-Isptar, bil-Ministru jindika li ħafna mit-tagħlim se jkun qed isir b’mod virtwali.
Sadanittant, l-eżamijiet tal-Matsec se jsiru b’mod normali, għalkemm b’żamma mal-linjigwida li jitolbu li jkun hemm minimu ta’ żewġ metri bejn kull student, iżda studenti li se jpoġġu għal dawn l-eżamijiet għadhom qed jesprimu l-inkwiet tagħhom għall-fatt li se jkunu magħluqin fi klassi ma’ mill-anqas 12-il persuna oħra għal sessjonijiet ta’ sagħtejn jew tliet sigħat, b’riskju li jkunu esposti għall-virus.
Fil-linjigwida għal dawn l-eżamijiet, in-numru massimu ta’ studenti f’kull klassi jew sala hu ta’ 12. Indikazzjoni li jekk jiftħu l-iskejjel f’Settembru, mhux se jkun hemm aktar minn 12-il student f’kull klassi.
//= $special ?>