Lokali Qorti

Raġel illiberat wara żball fid-data fuq dokument tal-Qorti

Raġel kien illiberat, minkejja li nstab li kien barra d-dar wara l-ħin stipulat mill-Qorti, grazzi għal żball fid-data fuq dokument tal-Qorti. Li kieku ma kienx għal dan l-iżball, u li kieku nstab ħati għal dan ir-reat, hu kien jitlef €11,000 li kellu f’garanzija personali.

Ir-raġel, Mohamed Abdulmajeb Abungab ta’ 23 sena u residenti l-Gżira, kien qed jiffaċċja akkużi relatati mal-involviment tiegħu f’serqa, kif ukoll li hedded Uffiċjal tal-Pulizija, li kellu fil-pussess tiegħu arma li taqta’ u bil-ponta mingħajr il-liċenzja tal-Pulizija, li saq mingħajr liċenzja u li hu riċediv.

Iffaċċjat b’dawn l-akkużi, ir-raġel kien wieġeb li hu ħati u ngħata l-libertà proviżorja kontra garanzija personali ta’ €11,000, fost diversi kundizzjonijiet, li kienu jinkludu li jkun id-dar f’ħinijiet partikolari.

Madankollu, fl-1 ta’ Awwissu, ir-raġel instab li kien San Ġiljan għall-ħabta tas-2am, b’investigazzjonijiet tal-Pulizija stabilixxew li allegatament, dan ma kienx l-uniku każ ta’ abbuż mill-ordni tal-Qorti.

Iżda meta kienet qed tagħti s-sentenza, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech innutat żball fis-sena indikata fid-digriet dwar il-libertà proviżorja. Fil-fatt, il-Qorti nnutat kif digriet kien datat 19 ta’ Diċembru 2020 minflok id-19 ta’ Diċembru 2019, kif suppost kellu jkun.

L-Avukat Noel Bianco deher għar-raġel.