Internazzjonali

Stati Uniti: Ferut qrib il-White House waqt konferenza ta’ Trump

Il-President tal-Istati Uniti, Donald Trump, kellu jkun eskortat ‘il barra minn konferenza tal-aħbarijiet wara li aġent tas-servizzi sigrieti spara għal raġel, li jingħad li kien armat, barra l-White House ta’ Washington.

Ir-raġel spiċċa ferut fl-inċident u s-servizzi sigrieti, wara, qalu li l-isparatura seħħet ‘distanza ta’ bini’ ‘il bogħod mill-White House, fejn uffiċjal kien kostrett li jiftaħ in-nar fuq is-suspettat li kien ġera lejh ‘b’mod aggressiv’.

Ftit wara l-isparatura, aġent tas-servizzi sigrieti avviċina lil Trump li kien qed jitkellem waqt il-konferenza u mexxih ‘il hinn mill-inħawi.  Il-President Amerikan irritorna ftit wara biex jgħid lin-nies preżenti li s-sitwazzjoni kienet taħt kontroll.

Is-sorsi qrib il-White House, aktar tard, qalu li l-inċident seħħ fiz-zona ta’ 17th Street u Pennsylvania Avenue, ftit ‘il hinn mill-perimetru tal-White House.

Skont ir-rapporti, ‘l-aggressur’ – raġel ta’ 51 sena li ma ssemmiex b’ismu – kien avviċina uffiċjal tas-servizzi sigrieti u infurmah li kien qed iġorr arma tan-nar u fejn fil-pront assuma l-pożizzjoni ‘ta’ xi ħadd li qed ilesti biex jispara’. Dan wassal biex l-uffiċjal jispara fuq ir-raġel u, s’issa, mhux magħruf jekk ‘l-aggressur setax kellu xi rabja partikulari għall-President tal-Istati Uniti’.