Għawdex Lokali

“Wara snin ta’ wegħdiet fiergħa, iddiżappuntati u rrabjati għad-deċiżjoni ta’ Ian Borg” – GUG

Wara snin ta’ wegħdiet, kollox sfuma fix-xejn. Il-Ministru tat-Trasport Ian Borg, bid-deċiżjoni li ħa fl-aħħar jiem xejjen dak li ilu s-snin iwiegħed, jiġifieri mezz aktar effiċjenti ta’ trasport bejn Malta u Għawdex.

Fi stqarrija, l-istudenti Għawdxin tal-Università, qalu li fl-aħħar snin l-Għawdxin kienu qed jistennew bil-ħniena is-servizz tal-fast ferry bejn iż-żewġ gżejjer. Wara għadd ta’ kawżi l-Qorti b’rabta mat-tenders għal dan is-servizz, il-Ministru Ian Borg qal li l-Gvern issa kien biddel il-politika u minflok il-fast ferry, kien se jkun imniedi servizz li jieqaf f’sitt destinazzjoniijet, Marsaxlokk, il-Belt Valletta, Ta’ Xbiex, San Ġiljan, San Pawl il-Baħar u Għawdex.

Il-GUG (Grupp Universitarji Għawdxin) esprima r-rabja u d-diżappunt tiegħu għall-fatt li wara snin ta’ tama u wegħdi fiergħa, il-Gvern kien qed iċaħħad lill-Għawdxin minn kwalità ta’ ħajja aħjar.

Il-fast ferry kellu mhux biss jipprovdi traġitti ferm iqsar għall-istudenti u għall-ħaddiema u persuni li jkollhom appuntamenti l-isptar, imma kien ukoll jgħin biex jonqos it-traffiku fiċ-ċentru ta’ Malta kif ukoll kien jipprovdi soluzzjoni għal min ma jistax jikri post f’Għawdex.

Il-Ministru stqarr li l-Gvern warrab l-idea tal-fast ferry mit-tender il-ġdida għax is-servizz li diġà jeżisti fil-port il-kbir u Marsamxett għandhom jiġu estiżi. Stqarrija li turi li l-Gvern warrab għal kollox il-prioritajiet tal-Għawdxin, u minflok qed jagħti aktar importanza għas-servizzi turistiċi. Il-GUG qal li minkejja li jifhem li s-settur turistiku jagħti kontribut kbir lill-ekonomija, iċ-ċittadin lokali għandu jkun fuq quddiem fl-agenda tal-Gvern.

Il-GUG appella lill-Gvern sabiex jerġa’ jqis id-deċizjoni tiegħu dwar il-fast ferry service li kellu jagħti livell ta’ ħajja ferm aħjar lill-ħafna Għawdxin li għal raġuni jew oħra jkollohom jaqsmu ta’ spiss bejn iż-żewġ gżejjer.