Lokali

10 snin mill-mewt ta’ Guido de Marco

Guido de Marco hu politiku ta' eżempju għall-politiċi oħrajn - Il-Papa Emeritus Benedittu XVI

Kien preċiżament 10 snin ilu meta tħabbret il-mewt tal-Professur Guido De Marco, li f’karriera mimlija impenji ta’ servizz, okkupa b’suċċess karigi għoljin, fosthom President ta’ Malta, President tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, Viċi Kap tal-PN, Segretarju Ġenerali tal-PN, u kullana ta’ suċċess fil-karriera preċedenti bħala avukat.

Guido de Marco ħalla din id-dinja fl-età ta’ 79 sena, huwa miet wara li sofra attakk ta’ qalb waqt li kien fid-dar tiegħu stess. Hu twieled fit-22 ta’ Lulju 1931 u ħa trobbija tiegħu għall-kenn tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta.

Huwa kien iggradwa ta’ avukat fl-1955 u ddefenda kemm-il darba d-drittijiet tal-bniedem, huwa jibqa’ mfakkar b’mod partikolari bħala l-President tal-Assemblea Ġenrali tan-Nazzjonijiet Uniti li ta sapport u sostenn lil Kuwait wara l-attakki mill-Iraq.

Huwa ġie elett għall-ewwel darba fil-Parlament Malti fl-1966. Guido De Marco jissemma’ fost l-oħrajn għal meta ddefenda lil Pietru Pawl Busuttil li kien sar fuqu frame-up biex jitfgħu ħtijiet ħaddieħor fuqu dwar l-assassinju ta’ Raymond Caruana.

Kien ukoll strumentali fit-taħditiet li saru ma’ Mintoff wara l-elezzjoni ta’ Diċembru 1981 li tat ir-riżultat pervers fejn minkejja li l-PN ġab il-maġġoranza assoluta tal-voti, ingħata tliet siġġijiet anqas fil-Parlament mill-Partit Laburista u għaldaqstant gverna kontra r-rieda tal-poplu.

Huwa kien għalliem ukoll tal-liġi fl-Università ta’ Malta b’bosta studenti għaddew minn taħtu biex illum saru avukati, huwa baqa’ jgħallem anki meta kien President tar-Repubblika. L-imħabba tiegħu lejn l-istudju tal-liġi u l-professjoni dejjem inħasset, bil-monument tiegħu jinsab eżatt biswit il-Qorti, il-qalba tat-twettieq tal-ġustizzja.

Fil-perjodu li kien President ta’ Malta huwa wkoll ġab lejn l-istima ta’ kulħadd u kien denn tabilħaqq tal-kariga li okkupa.

Il-funeral statali kien sar fis-16 ta’ Awwissu fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta. Il-mewta tiegħu kienet ġrajja ta’ xokk fuq il-pajjiż, b’bosta juru sogħba u dispjaċir lejn il-ġentlom, statista li f’ħajtu għamel minn kollox biex jixpruna t-tgħallim, u jservi lill-poplu Malti u Għawdxi, u lis-sewwa.

Ġorg Borg Olivier, Guido de Marco u Eddie Fenech Adami
Il-funeral statali ta’ Guido De Marco li kien sar fis-16 ta’ Awwissu 2010

Ikkummenta