Lokali

Akkomodazzjoni soċjali nieqsa mill-kwalita’ tal-ħajja – PN

Il-Gvern Laburista wara snin ta’ nuqqas ta’ azzjoni għal dawk li għandhom bżonn l-akkomodazzjoni soċjali, f’daqqa waħda qabdu l-paniku. Frott ta’ dan il-paniku, l-unika soluzzjoni li ġietu f’moħħu hi li jżid id-densita’ fil-proġetti tal-housing, b’binja ta’ 84 appartament, flimkien ma’ 73 garaxx fis-Siġġiewi.

Fi stqarrija maħruġa minn David Agius Viċi Kap tal-PN għall-Affarijiet Parlamentari u Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Familja b’Saħħitha, Solidarjetà Soċjali u Ivan Bartolo Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Akkomodazzjoni Soċjali, l-Ġlieda kontra l-Faqar ta’ Kull Tip, is-Solitudni u l-Esklużjoni Soċjali ntqal li din l-istil ta’ politika tal-ħabba gozz flok waħda bbażata fuq il-kwalità tal-ħajja se tirriżulta f’konċentrazzjoni ta’ bnedmin f’post wieħed.

Biss dan ma kienx biżżejjed. Issa l-Ministru Roderick Galdes ikompli jħabbar li fl-isfond ta’ dan in-nuqqas t’ippjanar se jiftaħ ċentru taċ-childcare. Dak ambjent li se jgawdu uliedna. Kif jista’ jkun ikollok blokka tal-housing mingħajr l-ebda spazji miftuħa fiha? Din hi l-kwalita li ftaħar biha l-Ministru Laburista?

Sadanittant fuq il-midja tal-Partit Laburista li rrappurtat konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali Roderick Galdes, waqt żjara li għamel fuq is-sit fil-11 ta’ Awwissu, semma fost oħrajn il-konsultazzjoni li kien għamel mal-Kunsill Lokali u mar-residenti tal-lokal, liema konsultazzjoni li l-ebda Kunsillier u l-ebda resident ma jiftakar dwar dan il-proġett aħseb u ara kemm kienu mistiednin sabiex jagħtu l-opinjoni tagħhom. Li ma kienx għall-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista fis-Siġġiewi, lanqas submission ma kienet issir, mal-Awtorita’ tal-Ippjanar fuq din l-appikazzjoni.

Apparti dan, saru diversi interventi mid-Deputati Ryan Callus u Clyde Puli dwar din il-materja fil-Parlament, bit-tama li l-Gvern itejjeb l-aspetti tal-kwalita’ tal-ħajja f’dan il-proġett. Sfortunatament jidher li dawn l-appelli waqgħu fuq widnejn torox. Għal darb’oħra jerġa’ joħroġ kemm dan il-Gvern hu qarrieqi u ma jridx jagħmel l-affarijiet sew għall-benefiċċju ta’ kulħadd involut