Fl-10 ta’ Awwissu 2020, BirdLife Malta ġabret għasfur pjuttost rari li huwa sottospeċi Mediterranja tal-Bies (Peregrine Falcon) li nstab ferut b’tiri ta’ senter fl-Għarb, Għawdex. L-għasfur instab minn familja li kienet fuq btala f’Għawdex u li ċemplet lil BirdLife Malta biex tirkupra l-għasfur.
Il-Bies li darba kien speċi komuni li tbejjet fuq l-irdumijiet madwar il-kosta, sar estint fit-tmeninijiet riżultat tal-kaċċa bl-addoċċ. Bil-mod il-mod fl-aħħar snin reġa’ beda jirkupra b’numru żgħir ta’ għasafar jiffurmaw pari u jibdew ibejtu f’żoni remoti tal-kosta. Fi tmiem l-istaġun tal-bejta, il-frieħ ikunu għadhom qed jipprattikaw kif jikkaċċjaw għasafar oħra waqt li jtiru. Dan l-għasfur partikolari messitu x-xorti ħażina li jispiċċa vittma ta’ kaċċatur li suppost kien qiegħed biss għall-kaċċa tal-fniek f’dan iż-żmien tas-sena.
“Huwa ta’ għafsa ta’ qalb li tara għasfur maestuż bħal dan li jifforma parti mill-patrimonju kulturali tagħna jinqatel kaġun dirett ta’ bidliet fil-liġi u fil-policy li ddaħħlu biss biex jaġevolaw lil-lobby tal-kaċċaturi,” qal l-Head of Conservation ta’ BirdLife Malta, Nicholas Barbara. “Fuq l-irdumijiet tal-kosta m’għandhiex tkun permessa kaċċa għall-fenek, u l-Bies hu speċi protetta fl-ogħla livell kemm mil-liġijiet Maltin kif ukoll dawk Ewropej. Għandna saħanistra siti Natura 2000 li ġew stabbiliti bħala tali appuntu biex dawn il-falkuni jerġgħu jibdew ibejtu, imma mbagħad nagħtu konċessjonijiet bħal dawn lill-kaċċaturi li jimminaw il-valur ta’ dawn is-siti f’termini ta’ konservazzjoni.”
Din l-aħbar għal BirdLife Malta ġiet wara li l-għaqda bdiet taħdem fuq kampanja ġdida bl-isem ta’ #onthemove li se tkun qed tiffoka dwar kif wieħed jista’ jgawdi, jieħu ħsieb u jħares l-għasafar huma u jpassu
“Sfortunatament dan l-inċident ikrah itappan il-bidu ta’ din il-kampanja,” qal il-Kap Eżekuttiv ta’ BirdLife Malta Mark Sultana. “Irridu lill-poplu Malti u Għawdxi juri lil dan il-Gvern li n-natura u l-għasafar huma għal qalbu u li aħna lkoll irridu li l-wirt naturali tagħna jiġi mħares u mhux abbużat bil-barka ta’ gvernijiet li dejjem kienu bla sinsla fil-konfront ta’ dawk li jiksru l-liġijiet ambjentali u għamlu minn kollox biex jaġevolaw biss lil-lobby tal-kaċċaturi bħallikieku l-kumplament tas-soċjetà ma teżistix”.
//= $special ?>