Coronavirus Lokali Saħħa

COVID-19: Id-direttivi tal-MAM se jibqgħu fis-seħħ sa nhar il-Ġimgħa

Ġimgħa ċans lill-Gvern biex jieħu azzjoni

Id-diretti tal-MAM li daħlu fis-seħħ il-Ħamis li għadda se jibqgħu għaddejjin sa nhar il-Ġimgħa. L-Assoċazzjoni Medika Maltija tat ultimatum lill-Gvern biex jieħu azzjoni fi żmien ġimgħa.

Is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna marret għall-agħar b’mod li wasalna għal żieda qawwija fin-numri ta’ każi pożittivi. Dan hekk kif illum mistenni jkollna rekord ta’ każijiet ġodda.

Il-MAM qalet li lbieraħ 4 pazjenti ddaħħlu l-Isptar Mater Dei b’sintomi serji ta’ Covid-19, biex b’hekk issa l-ammont ta’ persuni rikoverati l-Isptar jitla’ għal 7.

Apparti dan hemm tabib li jaħdem f’health centre li ħareġ pożittiv filwaqt li tabib ieħor qed jistenna r-riżultat tal-iswab.

Fi stqarrija l-Assoċazzjoni qalet li l-Gvern ma jridx jaċċetta r-realtà li ninsabu fiha fejn qed jibbaża fuq il-premessa falza li r-rata ta’ nies rikoverati fl-isptarijiet hija baxxa. Għall-kuntrarju ta’ dan, studju xjentifiku juri li mistennija jkollna mewta għal kull 75.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan kollu, il-MAM qalet li d-direttivi se jibqgħu fis-seħħ sa nhar il-Ġimgħa. Jekk is-sitwazzjoni tibqa’ l-istess, il-MAM se terġa’ ddaħħal fis-seħħ id-direttivi mit-Tnejn 24 ta’ Awwissu, fejn mistennija jitwaqqfu wkoll l-operazzjonijiet maġġuri.

Id-direttivi tal-MAM qed ikunu segwiti minn 95% tat-tobba.