Lokali

Ħames chefs ibbażati f’Malta se jmorru jgħinu lil Beirut

Ħames chefs rinomati bbażati f’Malta se jkunu qed jagħmlu ġimgħa f’Beirut, il-Libanu fejn se jixtru, isajjru u jqassmu l-ikel għal dawk affetwati mill-isplużjoni li seħħet fl-4 t’Awwissu u li ħalliet madwar 220 imwiet u 7,000 feruti, u madwar 300,000 bla saqaf fuq rashom.

Din l-inizzjattiva bdiet minn Lebaniż, Hany Harb li ilu jgħix f’pajjiżna għal dawn l-aħħar 25 sena. F’talba li għamel fuq il-midja soċjali, Harb irnexxielu jikkonvinċi lil erba’ chefs oħra biex jitilgħu miegħu fuq din il-missjoni. Dawn huma Rafel Sammut, Jean Galea Souchet, Marko Pavlovic, u Robert Bonello. Tnejn minn dawn ic-chefs huma parti mit-tim ta’ Harb li jaħdmu miegħu fir-ristorant tiegħu.

Huma se jkunu qed jifformaw parti minn kċina li qed toffri ikel b’xejn lil dawk li għaddejjin minn żmien diffiċli u m’għandhomx saqaf fuq rashom.

Barra dan, għadd ta’ persuni bagħatu donazzjonijiet lil dawn ic-chefs biex jgħinu lin-nies li jgħixu Beirut. Fil-fatt, s’issa ġabru s-somma ta’ €5,000, bil-mira tagħhom tkun ta’ €15,000.

Harb għandu lil familja tiegħu fil-Libanu hekk kif twieled u trabba fl-istess pajjiż u għandu ristorant ibbażat fuq ikel Lebaniż fil-Gżira, Malta.

Wieħed jista’ jgħin billi jaċċessa dan is-sit: https://donate.wck.org/give/295659/?fbclid=IwAR32aBJRgYV5soo7hszKC2LbfNyF7Jbetooj_8RDFUOQECbi2whLUneIiHo#!/donation/checkout