Coronavirus Lokali Saħħa

Il-Gvern jirreaġixxi wara li bosta pajjiżi imponew miżuri fuqna

Eluf ta' persuni jinsabu fi kwarantina

Dawk kollha li jaslu Malta lura minn ċerti pajjiżi jew bliet meqjusa b’riskju għoli għat-tixrid tal-COVID-19, se jkollhom jippreżentaw ċertifikat li fit-48 siegħa ta’ qabel kienu negattivi għal dan il-virus.

Stqarr dan il-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed jieħu sehem fi progamm fuq l-istazzjoni nazzjonali.

L-Awtoritajiet tas-Saħħa qalu li dawk li ma jippreżentawx dan iċ-ċertifikat jista’ jsirilhom swab test u jekk dan ikun rifjutat, ikollhom joqogħdu fi kwarantina.

F’din l-istess intervista Chris Fearne tkellem fuq emendi ġodda fl-avviżi legali dwar l-attivitajiet tal-massa kif ukoll dwar il-ftuħ tal-iskejjel.

Chris Fearne qal li d-dinja kollha tinsab inkwetata b’din il-pandemija. Bħalissa f’Malta n-numru ta’ persuni pożittivi huwa wieħed għoli fejn hemm eluf ta’ nies fi kwarantina biex ikunu protetti huma kif ukoll il-bqija tas-soċjetà.

Fuq l-attivitajiet tal-massa Fearne qal li l-miżuri li daħlu l-ġimgħa li għaddiet kien hemm min mhux qed isegwihom kif suppost, għalhekk se jerġa’ jiġi rivedut l-avviż legali.

Fearne appella biex il-pubbliku ma jmurx f’postijiet fejn wieħed ma jistax iżomm id-distanza soċjali.

Fuq l-ajruport huwa qal li f’dawn l-aħħar ġranet numru ta’ pajjiż bdew idaħlu t-testijiet li jsiru fl-ajruporti. Malta qed issegwi din is-sistema fejn fil-ġranet li ġejjin mistenni jibda jsir dan it-test lil dawk il-persuni li jkunu ġejjin mill-high risk countries jew reġjuni.

Rigward il-qasam edukattiv, Fearne saħaq li l-edukazzjoni hija importantissima u għalhekk fil-jiem li ġejjin se ssir laqgħa mal-Ministru Ewropej u se tittieħed deċiżjoni dwar l-aħjar mod biex ikunu protetti l-edukaturi u l-istudenti.

Fearne qal li l-vaċċin tar-Russja, s’issa għad m’hemmx evidenza tat-trails tiegħu.