Futbol Sport

Il-Kunsill tal-MFA jiddiskuti x-xenarji u l-protokoll mediku b’rabta mal-coronavirus

Fil-laqgħa li saret aktar kmieni waranofsinhar, il-Kunsill tal-MFA ddiskuta x-xenarji kolla possibli b’rabta mal-coronavirus. Peress li s-sitwazzjoni b’rabta mal-coronavirus hija waħda fluwida u qed tinbidel minn ħin għall-ieħor l-MFA aġġornat ir-regolamenti u l-protokoll tagħha b’rabta mal-futbol f’pajjiżna fuq rakkomandazzjonijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa.

Il-President tal-MFA, Bjorn Vassallo spjega kif meta lura f’Marzu li għadda twaqqaf ħesrem il-futbol f’pajjiżna, dan ġara għaliex kien hemm Legal Notice mill-Gvern li tiprojbixxi l-organizzazzjoni ta’ attivitajiet sportivi. Vassallo żied jgħid li hekk kif ix-xahar id-dieħel huwa skedat li jibdew il-Kampjonati Lokali, l-MFA se tkun qed tikkonsulta ma’ Kumitat Konsultattiv b’mod kontinwu, b’dan il-Kumitat ikun iffurmat minn esperti tas-saħħa, esperti fil-qasam kalċistiku u rappreżentanti tal-Gvern.

L-MFA kkonfermat ukoll li l-logħbiet kollha ta’ ħbiberija organizzati mill-MFA se jintlagħbu b’bibien magħluqa, bl-MFA mistennija tagħti aktar dettalji dwar x’ser jiġri la darba jibdew il-kampjonati. L-MFA qalet li l-impenji tat-timijiet Maltin fil-kompetizzjonijiet Ewropej u l-impenji tat-tim Nazzjonali, speċifikament dawk li se jintlagħbu f’pajjiżna, se jkunu qed isegwu r-regolamenti maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa lokali kif ukoll l-protokoll tal-UEFA Return to Play.

L-MFA approvat ukoll sett ta’ regolamenti dwar meta l-Kampjonati Lokali jibdew u jkollhom jitwaqqfu minħabba dik li l-MFA qed issejjaħ bħala “Force Majeure” u ċirkostanzi simili għal dak li kellna lura f’Marzu, l-Kunsill iddeċieda li jekk ikunu ntlagħbu aktar minn 75% tal-partiti, il-klassifika tkun bħala waħda finali u l-ewwel tim jiġi dikjarat champion. F’każ li jkun intlagħbu anqas minn 75% tal-partiti, il-kampjonati jkunu abbandunati mingħajr verdetti finali sakemm ma jkunux diġa ġew deċiżi b’mod matematiku.