Lokali Qorti

Il-Ministru Scicluna jgħid li ma kienx jagħmel parti minn dawk tal-qalba

“Dejjem ħassejt li ma kontx parti minn dawk tal-qalba. Jien ma kontx parti minn dak il-jissejjaħ ‘kitchen cabinet’. Din hija l-opinjoni tiegħi, iva imma ħassejt li ma kontx parti minn dawk ta’ ġewwa, l-‘inner core’.   Ma kontx naqbel ma’ dan, imma hekk kienu l-affarijiet.”

Dan qalu l-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna meta kompliet tinstema’ l-inkjesta pubblika dwar il-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Scicluna rrakkonta lill-bord tal-inkjesta li ilu Ministru tal-Finanzi mill-2013 u dan il-fatt dejjem ħassu.

Tenna li ħassu “let down” mill-hekk imsejjaħ ‘kitchen cabinet’ Mistoqsi kif ħassu dwar dan kollu, qal li ħassu abbandunat. Dwar il-Gvern ta’ Joseph Muscat, Scicluna jiddeskrivih bħala munita munita b’żewġt uċuh. Naħa minnhom kienet qed tagħmel xogħolha sew u n-naħa l-oħra kien hemm dell, qiesek għandek iljunfant f’kamra.

Ma kellux kundifenza ma’ Joseph Muscat

Meta mistoqsi mill-Bord jekk huwa kien kellem lil Joseph Muscat meta ħarġet l-aħbar li Yorgen Fenech huwa sid il-kumpanija 17 Black, huwa qal li huwa ma kellux kunfidenza kbira fir-relazzjoni tiegħu ma’ Muscat biex ikellmu dwar dan il-fatt.

Mistoqsi minn Said Pullicino jekk qattx qajjimx dan il-punt fil-kabinett, Scicluna qal li dak iż-żmien dawn kienu biss suppożizzjonijiet u allegazzjonijiet.

Fuq Sai Mizzi, l-mara ta’ Konrad Mizzi, dwar x’benefiċċji din ġabet għal Malta, Scicluna qal li din kienet impjegata tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.

Dwar il-ħbiberija ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Yorgen Fenech, ix-xhud qal li m’għandu ebda idea dwar dan u li huwa lanqas biss jafu lil Fenech, għax wara kollox ukoll mhuwiex tal-età tiegħu. Qal ukoll li qatt ma lemaħ lil Yorgen Fenech f’Kastilja.

Scicluna ġie mistoqsi wkoll dwar Macbridge, il-kumpanija sigrieta li kienet tippompja l-miljuni lejn il-kumpaniji sigrieti ta’ Konrad Mizzi u Keith Schembri. Dwar dan huwa qal li m’għandu l-ebda idea.

Scicluna ġie mistoqsi wkoll fuq l-iskandlu tal-Montenegro, fejn kien żvelat kif l-Enemalta aċċettat li tħallas €10.3 million għal ‘wind farm’ fil- Montenegro, meta l-istess sit kien jiswa’ terz tal-prezz tliet ġimgħat qabel.

Scicluna qal li huwa kien involut biss fix-xiri ta’ isħma u mhux aktar. Huwa kien mitlub biex jagħmel kopja tal-ftehim u jgħaddiha lill-Bord ta’ Inkjesta.

Dwar jekk illum għadux jemmen fuq l-integrita politika ta’ Joseph Muscat, Keith Schembri u Konrad Mizzi, Scicluna qal li ma jistax iwieġeb għal din id-domanda.

Qal li anke hu kien iffaċċjat b’allegazzjonijiet terribbli u għalhekk ma jistax jagħti ġudizzju fuq ħaddieħor sakemm il-proċess ikun ħa l-kors kollu tegħu.

Meta kien mistoqsi dwar l-influwenza taċ-Chief of Staff tal-eks Prim Ministru Keith Schembri tenna li kulħadd kien jaf dwar ir-relazzjoni mill-qrib bejn Schembri u l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Huwa ikkonferma wkoll li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien “magħhom” fuq il-ftehim tal-isptarijiet.

L-Avukat Therese Comodini Cachia staqsiet lill-Minisrtru dwar il-‘kitchen cabinet’ jekk dan kienx imexxi lill-Projects Malta u meta kien jiltaqa’. Scicluna, u dwar proġetti oħra nvoluti, qal li ma jafx fi x’ħin kien jiltaqa’.

Mistoqsi dwar liema proġetti ta’ Projects Malta qed jirreferi għalihom. Qal li l-problema kienet li l-Ministeru ma kienx qed jirċievi l-informazzjoni dwar il-proġetti. Qal li Project Malta ma kinitx trasparenti. Qal li kienet xi ħaġa li kienu qed jesperjenzaw ta’ spiss.

Grupp ta’ nies li Joseph Muscat fejn Joseph Muscat kien aktar intimu magħhom

Qal iżda li huwa ċert li kien hemm grupp ta’ nies fejn il-Prim Ministru Joseph Muscat jkun iktar intimu magħhom u jisma’ aktar il-pariri tagħhom. Qal li hu ma kienx ikun fih. Huwa tenna wkoll li fit-tieni sena tiegħu kien intalab jekk hux interessat ikun nominat bħala President tal-Kummissjoni Ewropea, iżda rrifjuta.

Fix-xhieda tiegħu huwa qal ukoll li kien tkellem dwar id-diżappunt tiegħu dwar kif intużaw il-fondi pubbliċi. Madankollu meta l-Avukat Comodini Cachia staqsietu jekk ħassx il-bżonn li ssir ‘due diligence’ aktar retta fuq proġetti.

Scicluna qal li jekk hawn affarijiet kriminali hemm istituzzjonijiet oħrajn li jaraw dan. “Aħna m’aħniex Pulizija,” qal Scicluna. Dwar jekk kinux ingħataw dokumentazzjoni fuq il-proġett tal-Electrogas, il-Ministru Scicluna qal li hu kien biss tkellem dwar il-garanzija biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissellfu mill-banek.

Comodini Cachia staqsiet ukoll jekk għandhiex tifhem li l-Ministeru tal-Finanzi kien involut biss wara li kollox kien moħmi u għax ġew fi bżonn li jkun hemm garanzija tal-Gvern. Il-Ministru kkonferma dan kollu.

Qal ukoll li hemm allegazzjonijiet li għadhom qed jiġu investigati u ma jridx jasal għal konklużjoni qabel ma kollox ikun mitmum. Tenna li ma jirriżultax li l-proġetti kienu jagħmlu parti mid-diskussjonijiet tal-Kabinett.

Scicluna qal li Schembri u Muscat kienu jaħdmu bħala tim u li Schembri kellu relazzjoni tajba ma’ kulħadd. Tenna li meta jgħid ‘teamwork’ qed jitkellem bħala Gvern. 

Ma kienx jagħml parti miċ-ċirku ta’ ġewwa

Mistoqsi jgħid biex isemmi min kien parti minn dan iċ-ċirku ta’ ġewwa. Scicluna qal li hu ma kienx iħossu parti minn dan iċ-ċirku imma ma jridx isemmi ismijiet għax din hija biss opinjoni tiegħu.

Scicluna tenna li l-Ministeru tal-Finanzi huwa responsabbli għal fuq minn €5,200 miljun fis-sena u  li x-xogħol tagħhom huwa li jaraw li s-sistema tkun “in place”.  

Il-Ministru Scicluna tenna li hu qatt ma kien involut fit-tfassil u l-iffirmar tal-MOUs. Sostna li l-istil tiegħu huwa differenti minn kif mexxa ħaddieħor. Qal li l-firma tiegħu kienet biss li tingħata l-garanzija għal bridge loan għax il-Ministeru ma kienx tkellem dwar dan qabel.

Ix-xhud qal li dwar il-proġett tal-AUM id-due diligence għamilha il-Ministru Bartolo. Qal ukoll li l-proġett ta’ Electrogas kien taħt Projects Malta. Fuq jekk kinux ingħataw dokumentazzjoni fuq il-proġett tal-Electrogas, il-Ministru Scicluna sostna li hu kien biss tkellem dwar il-garanzija biex il-kumpaniji jkunu jistgħu jissellfu mill-banek.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet lill-Ministru kif minkejja l-allegazzjonijiet dwar il-membri tal-‘kitchen cabinet’, hu ma avviċinahomx. Scicluna wieġeb billi qal li fil-każ tal-Panama Papers hu tkellem mal-Prim Ministru Joseph Muscat u kien tah ukoll il-parir biex iżomm ‘il bogħod minnhom.

Scicluna qal ukoll li kienet saret pressjoni kbira fuq Konrad Mizzi biex jirriżenja f’Novembru. Qal li ma kienx preżenti għal-laqgħa maratona li damet sa tard bil-lejl, peress li kien skużat mill-Prim Ministru fejn kien barra minn Malta.

Kif ġie magħżul Silvio Valletta

Bdew isiru wkoll mistoqsijiet dwar kif intagħżel il-Kap tal-Pulizija fil-unit tar-reati ekonomiċi. Scicluna qal li kien ingħata tliet ismijiet u li ma setax jiżvela tat-tnejn li kienu ġew eliminati, u dan fuq parir tal-kummissarju tad-data.

Silvio Valletta kien intagħżel bħala l-aktar wieħed anzjan minn dawk li applikaw. It-tieni wieħed nominat kien wasal biex jirtira filwaqt li t-tielet wieħed ma kellu l-esperjenza neċessarja.

“Meta ffirmajt l-approvazzjoni ta’ Silvio Valletta, kont taf li dan jiġi r-raġel ta’ kollega tiegħek fil-kabinett? Staqsiet l-Avukat Comodini Cachia. Il-Ministru Scicluna qal li kien jaf.

Qal ukoll li Valletta kellu rank importanti fil-Korp tal-Pulizijau nsista li jeżistu sitwazzjonijiet f’pajjiżi oħra fejn koppji miżżewġin jingħataw dan iċ-ċans u jsiru wkoll arranġamenti. Meta mistoqsi jekk sarux xi arranġamenti speċifiċi f’dan il-każ, huwa qal li mhuwiex infurmat.

Il-mistoqsijiet reġgħu qamu fuq il-ftehim kontroversjali tal-Vitals Global Healthcare li ngħataw it-tmexxija ta’ tliet sptarijiet, minkejja li ma qatt ma kellhom esperjenza simili.

Scicluna tkellem dwar l-importanza tat-‘track record’ f’kamp partikolari. Qal li minn esperjenza personali dwar konsulenza, kien l-ewwel jikkonsulta ma’ klijent privat qabel ma jikkonkludi. Qal li sa issa għadu ma xehedx fl-inkjesta Maġisterjali li qed issir dwar dan il-ftehim.

Scicluna ġie mistoqsi għaliex huwa appoġġa lill-Gvern meta tressaq vot ta’ fiduċja fu il-Vitals fil-Parlament minkejja r-riżervi kollha tiegħu. Huwa qal li kien ħalla impjieg ta’ €100,000 j fi Brussell meta kien fiż-żona tal-kumdità tiegħu biex jidħol fil-politika lokali u li ma kienx se jieħu r-riżenja b’mod ħafif.

“Għaliex għandi nirriżenja jekk xi ħadd ieħor għamel ħażin? Fil-parlament ma kienx hemm vot ħieles. Kien jew vot favur jew riżenja. Għażilt il-ewwel għax sfortunatament, ma kienx vot ħieles.”

Comodini Cachia staqsiet jekk Scicluna kienx involut fit-tfassil tal-ftehim tal-Electrogas qabel l-elezzjoni tal-2013. Qal li hu ma kienx involut u li kien hemm ukoll negozjanti barranin. Qal li hu kien ra powerpoint presentation dwar dan qabel l-elezzjoni. Tenna li kien hemm konsulent Ingliż preżenti li kien jifhem ħafna fl-enerġija.

L-Avukat Comodini Cachia staqsiet jekk apparti l-presentation, meta kien ippreżentat lilu l-proġett kif imfassal fid-dettal u min ippreżentah. Scicluna qal li l-proġett qatt ma kien ippreżentat fid-dettall.

Qal li d-dettall kien finanzjarju meta ntagħżel il-bidder. Qal li kienu jkunu biss infurmati fejn wasal il-proċess tal-għażla. Qal li t-tħassib tagħhom kien il-liability tal-Gvern.

Comodini Cachia staqsiet ukoll jekk il-Ministeru tal-Finanzi tax il-parir lil Projects Malta li l-RFP għandu jindika b’mod ċar li l-Gvern ikun qed jikkunsidra garanzija bankarji.

Scicluna qal li tal-garanziji bankarji ħarġet wara li l-ftehim kien imfassal, “wara li kollox kien mitmum”. Qal li kien hemm erba’ banek, inkluż wieħed Malti li kienu lesti li jagħtu l-loan li riedu garanzija.

Scicluna qal li la ltaqa’ u lanqas ma jaf min kienu l-membri tal-Programme Review Bord. Fl-ogħti u l-implementazzjoni tal-kuntratt, il-Ministru għall-Finanzi ma kienx involut, sostna Scicluna.

Comodini Cachia talbet lill-bord biex il-Ministru jippreżenta għal files tal-Ministeru dwar il-ftehim u l-proġett. Sostniet li ma tistax tibqa’ tistaqsi mistoqsijiet fl-għama u l-Ministru ma jafx x’għandu jwieġeb.

Il-Bord wara li sema l-ispjegazzjoni ta’ Comodini Cachia u dak li qal il-Ministri Scicluna ddikjara li m’għandux oġġezzjoni biex jiġu ppreżentati d-dokumenti dwar il-garanziji bankarji fejn jidħol dan il-ftehim. Dawn iridu jitpoġġew għad-diżpożizzjoni tal-bord.

Fil-bidu tas-seduta, qabel ma daħal fl-awla l-Ministru Scicluna, l-Avukat Therese Comodini Cachia ppreżentat dokumenti dwar mistoqsijiet li għandha rigward l-Electrogas.

Qalet li l-bord għandu jara r-rapport ta’ 600 paġna tal-NAO fuq l-Electrogas. Qalet ukoll li jkun importanti wkoll id-dokumentazzjoni li l-NAO ġabru biex għamlu r-rapport.

Comodini Cachia qalet ukoll li l-NAO għadhom għaddejjin bl-audit. Issuġġeriet ukoll li wara x-xhieda ta’ Scicluna jkun imiss jittella jixhed il-Qorti xi ħadd mill-NAO.

Comodini Cachia semmiet kif fix-xhieda tiegħu Matthew Caruana Galizia kien tkellem dwar leak ta’ dokumenti tal-Electrogas. Qalet li jkun tajjeb li parti minn dawn id-dokumenti jkunu ppreżentati fil-Qorti lill-Bord tal-Inkjesta.

Il-Bord tal-Inkjesta huwa mmexxi mill-Imħallef  Emeritu Michael Mallia u magħmul mill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Said Pullicino u l-Imħallef Abigail Lofaro. Il-Bord irid jiddeċiedi jekk l-omiċidju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia setax jiġi evitat mill-awtoritajiet Maltin. L-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qed jidhru għall-familja ta’ Caruana Galizia.

L-inkjesta għandha tkompli nhar l-Erbgħa 19 ta’ Awwissu fejn mistenni jixhed il-Kummissarju tat-Taxxi Interni u ċ-Chairman tal-Planning Authority.

Fil- 21 ta’ Awwissu mbagħad x’aktarx jixhed rappreżentant tal-Ministeru għall-Finanzi, s-Superintendent Antonovich Muscat u eks Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar.