Lokali

Iż-żgħażagħ għandhom jibqgħu dejjem u f’kull ċirkustanza l-protagonisti u mhux spettaturi

Il-Jum Dinji ddedikat liż-żgħażagħ

Il-Partit Nazzjonalista jibqa’ jemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ għandhom ikunu l-protagonisti fil-mixja ta’ pajjiżna u qatt bħala spettaturi. Dan saħqu l-Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Robert Cutajar fi stqarrija maħruġa f’isem il-PN.

Robert Cutajar saħaq li f’kull settur fis-soċjeta’ tagħna ż-żgħażagħ għandhom jingħataw spazju biex jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom u huwa imperattiv li jiġu kkonsultati bis-serjeta’. Il-Partit Nazzjonalista jinnota u japprezza l-kontribut li l-għaqdiet taż-żgħażagħ qegħdin jagħtu b’risq il-ġid komuni, fuq quddiemnett il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ (KNŻ).

L-istqarrija tal-PN komplie tgħid li l-politika nazzjonali taż-żgħażagħ għandha titqies prijorita’ ewlenija għax-xhur li ġejjin u l-PNse jkun qed jara li fil-proċess ta’ konsultazzjoni jkun hemm parteċipazzjoni wiesa’ ta’ għaqdiet taż-żgħażagħ li jikkontribwixxu biex id-dokument finali jkun verament jirrifletti dak li jemmnu fih iż-żgħażagħ. Fost il-prijoritajiet li l-PN se jkun qed imexxi ‘l quddiem u li fuqhom hemm qbil mal-KNŻ wieħed isib l-ambjent, l-emerġenza fil-klima, żvilupp sostenibbli, l-valuri li joffri l-isport b’aċċenn ukoll fuq l-istili ta’ ħajja sana kif ukoll is-saħħa mentali.

Filwaqt li l-PN jkompli jħeġġeġ sabiex iż-żgħażagħ f’pajjiżna jkomplu jixprunaw ‘il quddiem l-ideat u l-valuri li huma jħaddnu tajjeb li aktar żgħażagħ ikunu dejjem aktar parteċipi u attivi mhux biss fuq livell nazzjonali iżda wkoll fuq livell lokali. Nemmen bis-sħiħ li ż-żgħażagħ mhux biss huma l-preżent iżda huma wkoll il-futur. Dan irridu nwettquh b’għemilna f’ħidmietna u mhux biss bil-kliem, temm jgħid Robert Cutajar.

Robert Cutajar – Kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-Żgħażagħ, Sport, il-Ġlieda kontra l-Obeżità u NGOs