Lokali Qorti

Jinżamm arrestat fuq akkużi li kellu d-droga fil-pussess tiegħu

Raġel wieġeb mhux ħati iżda nżamm arrestat fuq akkużi li kien qed iġorr ammont konsiderevoli ta’ sustanza suspettuża allegatament kokaina u ħaxixa tal-kannabis u iktar droga fir-residenza tiegħu.

Il-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra Droga kienet ilha ssegwi lil dan ir-raġel ta’ 48 sena resident iż-Żebbuġ, Għawdex mill-bieraħ filgħodu f’Malta u ġie arrestat hekk kif niżel minn fuq il-vapur t’Għawdex fil-Port tal-Imġarr. Id-droga nstabet kemm fil-karozza tiegħu u saħansitra fir-residenza wara tfittxija li saret.

Hu wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda ma ngħatax il-ħelsien mill-arrest u qiegħed jinżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Justine Grech.