Internazzjonali

Kamala Harris magħżula minn Biden bħala kandidata għal Viċi President

Kamala Harris se tkun qed tikkontesta bħala Viċi President tal-kandidat Demokratiku għall-President, Joe Biden fl-elezzjoni li se ssir f’Novembru li ġej fl-Amerika.

Biden qal li Harris dejjem kienet il-favorita għal din il-pożizzjoni. Hu qal li Harris tkun l-aħjar għal din il-pożizzjoni għat-tajjeb tal-pajjiż. Minn naħa l-oħra, Harris qalet li Biden huwa l-aħjar persuna biex jgħaqqad lill-Amerikani filwaqt li jgħati l-aħjar għan-nies.

Jekk Harris tieħu din il-pożizzjoni, hi tkun l-ewwel mara Ażjatika-Amerikana b’dan l-irwol ġewwa l-Amerika. Harris, li kienet Avukat Ġenerali f’California, qed tinsisti għal riforma fil-Korp tal-Pulizija fejn jidħlu l-protesti kontra r-razziżmu.

Żewġ nisa oħra kienu nominati bħala kandidati ma’ partiti kbar fl-Istati Uniti, Sarah Palin mal-Partit Repubblikan fl-2008 u Geraldine Ferraro mad-Demokratiċi fl-1984. L-ebda minnhom ma ġew eletti f’din il-pożizzjoni. Minn naħa l-oħra, l-ebda mara ta’ kulur qatt ma kienet magħżulha bħala kandidata għall-pożizzjonijiet relatati mal-elezzjoni Presidenzjali u wisq inqas l-ebda mara ma saret President tal-Istati Uniti.

Joe Biden se jkun qed jaffaċja lil President attwali Donald Trump.