Coronavirus Lokali Saħħa

Kull min jasal Sqallija minn Malta mistenni jkun ordnat jagħmel test tal-COVID

Dawk kollha li jaslu Sqallija, wara li jkunu telqu minn Malta, huwa mistenni li jsitilhom swab test biex ikunu jafu humiex pożittivi għall-COVID-19.

Fl-aħħar jiem Sqallija rat żieda sostanzjali ta’ każi pożittivi għal dan il-virus. Filfatt Sqallija għandha l-iktar numru ta’ każijiet minn fost l-Italja kollha.

L-aġenzija tal-aħbarijiet Taljana ANSA qed tirraporta li l-awtoritajiet Sqallin qed jippreparaw biex jintroduċu swabbing obbligatorju fuq persuni li jidħlu Sqallija minn Malta, Spanja u l-Greċja, wara li ġew irreġistrati każijiet minn persuni li jidħlu minn dawn il-pajjiżi. 

Din il-mossa toħroġ ukoll wara li sindku ta’ belt fi Sqallija kkritika lil Malta talli kellha nuqqas ta’ kontrolli fit-tixrid tal-COVID-19 wara li 11-il resident ittestjaw pożittivi wara r-ritorn tagħhom minn vaganza f’Malta.