Lokali Qorti

Lino Cauchi kien mhedded minn grupp ta’ nies viċin Lorry Sant qabel ma nqatel

Xokkanti u tal-biża’ dak li ħareġ minn rikors li ġie preżentat fil-Qorti dwar il-qtil ta’ Lino Cauchi fil-bidu tas-snin tmenin. “Qabel ma nqatel Cauchi kien mhedded b’ħajtu minn grupp ta’ nies viċin l-eks Ministru Laburista Lorry Sant għax ma qabilx ma’ korruzzjoni lampanti li tirrigwardja propjetà, jgħid ir-rikors.

Dan kollu seħħ fi żmien ta’ ambjent politiku tal-biża u vjolenti fejn  il-korruzzjoni kienet l-ordni tal-ġurnata. L-elezzjoni ġenerali fil-pajjiż kienet saret fit-13 ta’ Diċembru 1981, fejn ġie elett il-Partit Laburista li kien ġab minoranza ta’ voti minħabba proċess ivvizzjat ta’ tbagħbis fid-distretti elettorali.

Kien perjodu ta’ inċetezza kbira, kif ingħad fir-rikors li sar minn martu u ibnu fejn il-pajjiż kien f’xifer ta’ nkwiet ċivili. Fil-ġurnata li fetaħ il-Parlament wara l-elezzjoni u dan fil-15 ta’ Frar 1982, Lino Cauchi kellu appuntament fis-6.30pm ma xi ħadd mhux magħruf u f’ċirkostanzi misterjużi spiċċa biex għeb, ma marx lura d-dar u ħadd ma reġa’ rah ħaj aktar.

“Kif jaf kulħadd, fl-aħħar tas-snin sebgħin u fil-bidu tas-snin tmenin, il-pajjiż kien għaddej minn perjodu politiku turbolenti, b’każijiet ta’ korruzzjoni lampanti, abbużi, vjolenza u intimidazzjoni politika, b’ismijiet ta’ politiċi prominenti tal-Gvern Laburista imdaħħlin f’xibka ta’ korruzzjoni.

“Kien f’dan il-kuntest li kien hemm spekulazzjoniji qawwija bi propjetà li kienu jinħarġulha permessi għall-iżvilupp evidentemnet b’manipulazzjoni tal-ippjanar taħt direzzjoni indebita politika.

“Jirriżulta minn xhieda mogħtija fil-Qrati li Lino Cauchi kien jagħti servizz professjonali dwar taxxa u kwistjonijiet relatati lill-grupp ta’ personalitajiet li f’pajjiżna kellu ħafna poter u li kienu mdawwrin mal-ex Ministru tax-Xogħolijiet Pubbliċi ta’ dak iż-żmien Lorry Sant.

“Kmieni f’Diċembru tal-1981, kienet saret laqgħa fl-uffiċċju ta’ Joe Pace, magħruf bħala Pace tal-Magic Kiosk fejn kienu preżenti klikka ta’ persuni viċin l-eks Ministru Lorry Sant. Lino Cauchi kien imqabbad jabbozza konvenju konċernati l-propjetajiet li kienu qegdin jiskambjaw bejniethom il-persuni preżenti.

“Jidher li Lino Cauchi kellu xi oġġezzjonijiet għal dak li kien qed jiġri tant li f’xhieda miġbura quddiem l-Imħallef Emeritu Silvio Meli, jingħad li hekk kif Lino Cauchi telaq minn dik il-laqgħa kien hemm min għamel teheddia serja fuq ħajjet l-istess Lino Cauchi.”

L-armla ta’ Lino Cauchi, Anna Cassar u binha Paolo Cauchi esprimew dan kollu f’rikors li ippreżentaw quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili fil-ġurisdizzjoni tagħha ta’ Qorti Kostituzzjonali fil-konfront tal-Prim Ministru, dan ftit aktar minn xahar wara li kienu ppreżentaw ittra ġudizzjarja li talbet lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Ġustizzja jħallas kumpens għall-qtil mill-istat.

Cauchi kien spiċċa nieqes fi Frar tal-1982 u l-katavru tiegħu nstab tliet snin wara f’bir fil-Buskett. Ħadd u minn dak inhar ‘l hawn ħadd qatt ma ġie akkużat bil-qtil.

Lista komprensiva ta’ xhieda kienet indikata lill-Qorti flimkien mar-rikors. Rappreżentanti tal-Gvern, uffiċjali tal-pulizija attivi u rtirati, il-Kummissarju għat-Taxxi Interni, membri parlamentari, l-President tal-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni, ġurnalisti u edituri tal-gazzetti, is-Sur Lawrence Mintoff u membri rtirati tal-ġudikatura fosthom Silvio Meli u David Scicluna u l-Avukati Ġenerali kollha sa mill-1981 għandhom jitħarrku jgħid ir-rikors.

Minkejja li għaddew kważi 40 sena, ħadd qatt ma ġie akkużat bil-qtil ta’ Cauchi, f’każ ikkunsidrat b’mod wiesa’li kellu aspett politiku. Ir-rikors jgħid li Cauchi kienet wieħed mill-awdituri prattikanti f’Malta fl-aħħar tas-snin sebgħin. Huwa kien għamel perjodu jaħdem bħala awditur fl-uffiċċju tal-accountancy Diamantino Manfre.

Ir-rikors jgħid li Cacuhi kien telaq din id-ditta ftit xhur qabel ma miet l-azzjonist prinċipali, Lino Manfre, li wkoll miet f’ċirkostanzi misterjużi. Lino Cauchi fetaħ prattika professonali għal rasu, iżda spiċċa nqatel ftit xhur wara. Ir-rikors ikompli jgħid li;

“F’Diċembru tal-1981 issejjħet l-elezzjoni ġenerali f’ambjent politiku ferm diffiċli, bil-Partit tal-Oppożizzjoni jwiegħed tindifa ġenerali mill-element vjolenti u korrotti fil-pajjiż, hekk u kif jiġi elett fil-Gvern, kif kien mistenni.

“Din il-wegħda elettorali kienet bla dubju ta’ tħassib għall-elementi korrotti u vjolenti fis-soeċjetà. Fit-3 ta’ Settembru 1981, wieħed mis-soċji ta’ Diamantino Manfre, Lino Manfre, daħal l-isptar San Luqa għal vista medika u wara ftit tal-jiem instab mejjet fis-sodda tiegħu f’ċirkostanzi misterjużi. Dan il-fatt qatt ma ġie nvestigat mill-awtoritajiet, u ġie reġistrat li miet kawża naturali.

“Wara dak li ġara lil Lino Manfre, Lino Cauchi rrealliżża li ħajtu kienet f’periklu riżultat tal-ħidma professjonali tiegħu  u s-servizzi li kien jagħti lill-imsemmi grupp ta’ nies politikament potenti u bla ebda skrupli”.

Ir-rikors li huwa wieħed dettaljat jgħid li l-biża’ li kellu Cauchi kien ġustifkat fejn wara l-aħħar laqa’ li suppost kellu dak inhar li fetaħ il-Parlament, huwa ma deherx aktar.

L-aħħar darba li ratu martu li kienet tqila kien fis-1.30pm. ta’ meta kien għeb. Huwa kien mar fl-uffiċċju tiegħu fil-Belt b’bagalja f’idejh, li nstabet fis-17 ta’ Frar tal-1982, jumejn wara li ġie nieqes, abandunnata, sgassata u vojta fiċ-Chadwick Lakes, limiti tar-Rabat.

Lino Cauchi kellu bagalja oħra d-dar u lil martu kien wissieha sabiex jekk jiġrilu xi ħaġa ma titlaqhiex minn idejha. L-għada li għeb persuna bl-isem ta’ Charles Zammit li ddentifkat ruħha bħala uffiċjal tad-Dipartiment tat-Taxxa ħabbat fuq l-bieb tad-dar tiegħu.

Fuq struzzjonijiet tal-Kummissarju tat-Taxxi Interni, talab il-bagalja, u martu, mfixxkla kif kienet fiċ-ċirkostanzi, għaddiel il-bagalja li kien hemm id-dar lil din il-persuna. Dan il-fatt qatt ma ġie nvestigat bis-serjeta mill-Pulizija.

Kien fil-15 ta’ Novembru 1985, fil-viċinanzi ta’ post magħruf bħala l-Bosk, fil-Buskett, li nstabu l-fdalijiet ta’ bniedem li kien brutalment imbiċċer b’serrieq u mgeżwer f’basktijiet tal-plastik suwed u mifugħ f’qiegħ ta’ bir.

F’lulju tal-1986, l-espert forensiku Ian West, iddikjara li fdalijiet misjubin fil-post kienu ta’ Lino Cauchi, u minkejja din l-informazzjoni, fl-1986, l-awtoritajiet xorta ma għamlu xejn.

Minn dak inhar ta’ meta nstabu l-fdalijiet, saret inkjesta fuq is-sejbien imexxija mill-Imħallef Emeritu David Scicluna, fejn dan kien widdeb lill-awtoritajiet għall-cover up li kien qed isir.

Ir-rikors li sar mill-Avukati Peter Fenech u Stanley Joe Portelli qed jitlob lill-Qorti biex tiddeċiedi li l-gġejbien fil-15 ta’ Frar 1982 u d-delitt tal-omiċidju li segwa ta’ Lino Cauchi, seħħ riżultat ta’ klima politika ta’ dak iż-żmien.

U bħala konsegwenza tal-fatt li l-kawża tas-servizzi professjonali li Lino Cauchi kienet qed idddejjaq lil diversi nies, uħud minnhom fi ċrieki politikament vjolenti u abbużivi ta’ dak iż-żmien, inkluż membri li kienu jagħmlu parti mill-Gvern.

Talba oħra li saret hija li l-Qorti għandha tiddikjara li l-Gvern ta’ Malta naqas milli jipproteġi l-ħajja ta’ Lono Cacuhi u li naqas, anke wara s-sejbien tiegħu li jwettaq investigazzjoni f’waqtha, propizja u leġittima kif mistenni minn Stat li jiffunzjona, bi ksur ta’ drittijiet fundamentali għall-ħajja, kif sanċit mill-Artikolu 33 tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u l-Artikolu 2 tal-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem.

Talba oħra lill-Qorti kienet biex din tiddikjara li n-nuqqas ta’ ġustizzja għall-familja Cauchi għal dawn l-aħħar 38 sena u aktar, mingħajr tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar dak kollu li seħħ kellu effett perpetwu u katastrofiku fuq ħajjithom u dan ukoll bi ksur tad-drittijiet fundamentali tagħhom.

Mart u bin il-vittma talbu l-Qorti biex tiddeċiedi li huma u Lino Cauchi kienu diskriminati mill-Istat meta naqas li jinvestiga l-għajbien tiegħu u meta l-istess Stat naqas milli jagħtihom kumpens xieraq bħal ma ngħataw individwi oħra f’ċirkostanzi anqas gravi.