Futbol Sport

Mil-lejla jingħata bidu għall-kwartifinali

(Ritratt: EPA)

Mil-lejla jingħata bidu għall-kwartifinali tal-UEFA Champions League bil-partiti kollha qed isiru fil-Portugall u se jintlagħabu fuq rawnd wieħed.

L-aktar partita li tispikka hi bejn iż-żewġ ġganti tal-futbol Barcelona u Bayern Munich. Fil-bidu ta’ kull tal-istaġun, iż-żewġ timijiet ipoġġu din il-kompetizzjoni bħala prijorità, b’ Bayern Munich jibdew xi ftit aktar favoriti minħabba l-prestazzjonijiet impressjonanti fl-aħħar partiti.

Manchester City jittamaw li dan l-istaġun jirnexxilhom jirbħu l-ewwel kompetizzjoni Ewropeja tagħhom meta fil-kwartifinali jisfidaw lil Olympique Lyon. Fl-aħħar ħarġiet tagħhom f’din il-kompetizzjoni, Man City eliminaw lill-ġganti Spanjoli Real Madrid filwaqt li Lyon eliminaw liċ-champions Taljani Juventus.

Illejla, Atalanta jilgħabu kontra PSG f’Estadio da Luz. Għal Atalanta din ser tkun l-ewwel esperjenza fil-kwartifinali taċ-Champions League u wara l-istaġun sorprendenti li kellhom żgur se jkunu qed iħarsu li jiksbu kwalifkazzjoni kontra l-Franċiżi. Għal PSG din mhux se tkun l-ewwel esperjenza fi kwartifinali Ewropeja u żgur li l-esperjenza tagħhom se tiswijhom kontra l-aktar tim li skorja fl-Italja dan l-istaġun.

Għada, RB Leipzig jisfidaw lil Atletico Madrid. F’partita li tista’ tmur fuq kull naħa, Atletico Madrid xorta jibdew bħala favoriti minħabba l-esperjenza tagħhom fl-Ewropa. Għall-Ispanjoli se jkunu neqsin Angel Correa u Sime Vrsaljko wara li rriżultaw pożittiv għall-coronavirus. Għal RB Leipzig din se tkun it-tieni esperjenza fi kwartifinali Ewropeja wara li fl-istaġun 2017/18 irnexxielhom jaslu sal-kwartifinali tal-Europa League.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE

Kwartifinali: Illejla: Atalanta v PSG 9.00pm, Għada: RB Leipzig v Atletico Madrid 9.00pm, Il-Ġimgħa: Barcelona v Bayern Munich 9.00pm, Is-Sibt: Man City v Lyon 9.00pm