Lokali Qorti

Mistenni jitressaq il-Qorti b’allegat frodi ta’ €75,000 fl-2013

Il-Pulizija ta’ Malta rnexxilha tiddentifika lil raġel li ffroda madwar €75,000 minn ħanut tal-ġojjellerija fil-Marsa. Hu se jkun qed jittella’ l-Qorti għall-ħabta tal-10.30am quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke wara li ġie arrestat fi Franza b’Mandat ta’ Arrest Ewropew.

Il-każ imur lura għal Ottubru tal-2013, meta sid il-ħanut kien għamel rapport lil Pulizija hekk kif kien ħallas mas-€75,000 għal ammont ta’ deheb li rriżulta li kien deheb falz. Il-bejgħ tad-deheb sar f’lukanda fil-Gżira, b’sid il-ħanut jinduna li d-deheb kien falz wara li l-persuni nvoluti kienu laħqu telqu bil-flus f’idejhom.

Ftit tas-sigħat wara li seħħ dan il-bejgħ, il-Pulizija arrestat żewġt irġiel mill-kongo eżatti qabel ma ħarbu mill-Port il-Kbir. Dawn ittellgħu l-Qorti u kienu akkużati li għamluha ta’ negozjanti tad-deheb u permezz ta’ deheb falz, ingannaw sid ta’ ħanut. F’Awwissu tal-2014 huma kienu instabu ħatja mill-Qorti tal-Maġistrati u ġew ikkundannati sentejn u sitt xhur priġunerija kull wieħed.

Mill-investigazzjonijiet li saru mill-Pulizija, jidher li kien hemm involuta t-tielet persuna li rnexxielha taħrab minn Malta mill-ajruport. Minn investigazzjoni li saret irriżulta li l-persuna mfittxija x’aktarx qiegħda fi Franza.

Il-Pulizija Maltija, assistiti mill-Pulizija Franċiża, wasslu biex tkun identifikata fejn tinsab din it-tielet persuna nvoluta f’dan ir-reat u
nħareġ Mandat ta’ Arrest Ewropew mill-awtoritajiet Maltin. Ir-raġel li għandu 35 sena, imwieled in-Niġer kien arrestat fi Franza.

Ir-raġel mistenni jitressaq il-Qorti sabiex jibda’ jgħaddi proċeduri b’rabta mar-reat ta’ allegat frodi li seħħ seba’ snin ilu.