Coronavirus Edukazzjoni Lokali

Studenti mħassba dwar l-eżamijiet wara żieda fil-każi ta’ COVID-19

Għadd ta’ studenti jinsabu mħassba dwar ir-resits tal-Università u l-eżamijiet tal-MATSEC li mistennija jsiru f’Settembru hekk kif fl-aħħar jiem pajjiżna ra żieda sostanzjali fil-każi ta’ COVID-19.

L-Għaqda KSU, li tirrapreżenta lill-istudenti tal-Università ta’ Malta, għamlu laqgħa mal-Ministru tal-Edukazzjoni, Owen Bonnici iżda baqgħu mingħajr ebda tip ta’ risposta dwar dan.

Lanqas mistoqsijiet oħra li ntbatu lis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u lill-Ministeru tas-Saħħa baqgħu ma ġewx imwieġba.

Dawn kienu l-mistoqsijiet li ntbatu fl-aħħar jiem:

  1. X’garanzija hemm li l-gwidi relatati ma’ saħħa se jkunu validi sal-ġimgħat li ġejjin?
  2. X’jiġri jekk persuna toħroġ pożittiva għall-virus u jkollha eżami fil-ġranet qrib?
  3. X’se jkunu l-kundizzjonijiet rrakkomandati jekk l-Università terġa’ tiftaħ normali f’Ottubru?
  4. Jekk il-kundizzjonijiet jintlaħqu, ma’ liema struzzjonijiet tas-saħħa għandha timxi l-Università ta’ Malta meta jinstab każ pożittiv?
  5. X’inhuma l-ammont ta’ każijiet attivi jew ir-rata ta’ trażmissjoni rrakkomandati biex jittieħdu miżuri straordinarji rigward is-sena akkademika u l-eżamijiet li jinsabu fil-qrib?

B’hekk, l-KSU qed tappella lill-Università ta’ Malta u lill-Gvern biex jikkunsidra dawn il-mistoqsijiet u jieħu deċiżjonijiet xierqa.