Futbol Sport

Tintemm il-ħolma Ewropeja ta’ Atalanta

(Ritratt: EPA)

Illejla intlagħbet l-ewwel kwartifinali tal-UEFA Champions League b’PSG jiksbu l-kwalifikazzjoni b’żewġ gowls lejn it-tmiem f’Estádio da Luz fil-Portugall wara li l-partiti kollha qed jintlagħbu f’dan il-pajjiż minħabba l-pandemija tal-coronavirus.

F’partita divertenti, kienu PSG li fetħu l-aħjar u wara biss erba’ minuti Neymar kellu ċans li jiżblokka r-riżultat iżda waħdu ma’ Sportiello naqas milli jinkwadra l-lasta u xeħet barra. Minn dak il-ħin Atalanta rkupraw u ħolqu numru ta’ azzjonijiet u fil-ħdax –il minuta d-daqqa’ ta’ ras ta’ Hateboer kienet salvata b’diffikultà minn Navas. It-tim ta’ Gian Piero Gasperini mar fil-vantaġġ fis-27 minuta meta l-ballun spiċċa f’saqajn PASALIC li b’xutt mal-ewwel għar-rikna tax-xibka għeleb lil Navas.

PSG wieġbu mal-ewwel u reġa kien Neymar li ħoloq il-periklu iżda din id-darba sab lil Sportiello f’pożizzjoni tajba biex isalva. Tliet minuti qabel tmiem l-ewwel taqsima, Neymar reġa kellu opportunità oħra li jġib l-iskor indaqs iżda din id-darba xeħet għoli.

Atalanta ħarġu perikolużi fit-tieni taqsima u minn corner ta’ Gomez kien Djimsiti li ra d-daqqa ta’ ras tiegħu tgħaddi ftit għoli  mil-lasti ta’ Navas. Mal-introduzzjoni ta’ Kylian Mbappe fit-tieni taqsima, li ma bediex din il-partita minħabba li kien għadu jirkupra minn injury li sofra fil-finali tat-Tazza Franċiża kontra Lyon, PSG żiedu aktar fil-loghob tagħhom u l-istess plejer fit-73 minuta resaq qrib li jġib id-draw iżda għal darb’oħra kien mċaħħad minn Sportiello.

It-tim ta’ Thomas Tuchel ġab id-draw fid-90 minuta meta minn cross fil-kaxxa tas-sostitut Choupo-Moting, l-ballun spiċċa f’saqajn Neymar li għadda lejn MARQUINHOS li mill-viċin ma żbaljax. PSG kisbu l-kwalifkiazzjoni żewġ minuti wara meta minn azzjoni maħduma tajba kien Choupo-Moting li xeħet ġewwa minn cross ta’ Mbappe.

UEFA CHAMPIONS LEAGUE
Kwartifinali: Illum
: Atalanta v PSG 1-2, Għada: RB Leipzig v A. Madrid 9.00pm: Il-Ġimgħa: Barcelona v B. Munich 9.00pm, Is-Sibt: Man City v Lyon 9.00pm