Lokali Mużika

Titħabbar l-mewt tas-Soprana Marie Therese Vassallo

Il-lejl li għadda tħabbret il-mewt tas-Soprana Marie Therese Vassallo. Hija twieldet Tas-Sliema fl-4 ta’ Marzu tal-1949 u kellha 71 sena.

Apparti li Vassallo kienet magħrufa ferm fix-xena mużikali ta’ pajjiżna, kellha fama kbira fil-Ġermanja u fir-Russja bħala soprana professjonali.

Vassallo kitbet il-versi tal-Innu Popolari Fjur tal-Karmelu u tal-Innu Marċ lill-Madonna tal-Karmnu. Hija kienet ukoll il-Maestro Di Cappella tal-Knisja Parrokkjali tal-Madonna tal-Karmnu tal-Balluta.

F’post fuq il-media soċjali s-Soċjetà Mużikali tal-Karmnu tal-Balluta fakkru l-memorja ta’ din is-Soprana tant maħbuba. Hija kienet tieħu ħsieb il-kor ta’ din l-istess Knisja.

Missier Marie Therese kien is-Surmast Frank Vassallo, fejn kien hu li ta l-ewwel taħriġ mużikali.

Marie Therese Vassallo tibqa’ mfakkra għall-umiltà kbira li kellha u li minkejja li kienet persuna rinomata ferm, dejjem baqgħet saqajha mal-art.

Il-funeral tagħha se jsir nhar il-Ġimgħa fis-6 ta’ filgħaxija fil-Knisja tal-Madonna tal-Karmnu l-Balluta.

Il-kamra tal-aħbarijiet ta’ Media.Link Communications issellem il-memorja ta’ Marie Therese Vassallo u tagħti l-kondoljanzi lir-raġel Charles, liż-żewġt itfal tagħha u lill-familjari.