Lokali

119-il post tax-xogħol jinstab li kien ta’ periklu serju għas-saħħa tal-ħaddiema

Minn 680 spezzjoni li għamlet l-Awtorità tas-Saħħa u s-Sigurtà, l-OHSA sabet 119-il post tax-xogħol li kienu ddikkjarati bħala ta’ periklu serju li saħansitra setgħu jikkawżaw imwiet jew ġrieħi serji ħafna u li kienu ta’ periklu għas-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema. Dan għaliex kienu fi ksur tal-liġijiet tas-Saħħa u s-Sigurtà.

L-OHSA ordnat lil dawn il-postijiet tax-xogħol jieqfu joperaw b’mod immedjat sakemm tkun irranġata s-sitwazzjoni. L-Awtorità qalet li dawn il-każi se jkunu segwiti u jistgħu jeħlu multi jew saħansitra jiffaċċjaw proċeduri legali kontrihom hekk kif ikunu ffinalizzati l-investigazzjonijiet.

Fl-istess perjodu 38 entita u individwu weħlu multi ta’ bejn €250 u €1,000 fuq ksur ta’ liġijiet fix-xhur preċedenti.

L-aktar kontravenzjonijiet komuni kienu nuqqas ta’ miżuri biex jevitaw waqgħet mill-għoli, superivors li ma segwewx prinċipji bażiċi tas-saħħa u s-sigurtà u persuni li ma jsegwux ir-rakkomandazzjonijiet tas-supervisor tal-proġett f’siti ta’ kostruzzjoni.

147 post ieħor tax-xogħol ma kienux għal kollox konformi mar-regoli.

Mark Gauci, CEO tal-OHSA qal li minkejja l-informazzjoni dwar kif wieħed għandu jnaqqas ir-riskji fis-saħħa u s-sigurtà, għad fadal ħafna li jibqgħu jagħżlu li jinjoraw l-obbligi legali u jibqgħu ipoġġu l-ħaddiema f’riskju għal saħħithom. Hu saħaq li l-OHSA se tibqa’ tintervjeni biex twaqqaf dawn l-abbużi u se tibqa’ toħroġ multi u tmexxi bi proċeduri legali skont is-severità tar-riskji.

L-OHSA bħalissa qed tistenna li jinbdew azzjonijiet legali kontra 450 persuna li kisru r-regola tas-saħħa u s-sigurtà.