Coronavirus Lokali Saħħa

“Aktar qawwija mill-ewwel mewġa” – It-Tabib Gabriel Ellul

Esperti mediċi jinsistu li s-sitwazzjoni eżistenti hi agħar mill-ewwel mewġa

Din it-tieni mewġa li ninsabu fiha bħalissa, hija iktar qawwija mill-ewwel mewġa.

Qed naraw mhux biss il-bidu tat-tieni mewġa imma wisq nibża li din il-mewġa hija bil-wisq ikbar mill-ewwel waħda li kellna u allura għadna biss fil-bidu tat-tieni fażi li qed ngħaddu minnha. Li hu ċert li quddiemna għandna ħafna sfidi ġejjin, mhux biss minħabba n-numru dejjem jiżdiedu ta’ każijiet imma anki minħabba li jista’ jkun nibdew naraw numru akbar ta’ nies affettwati b’sintomi iktar severi.”

Kliem it-Tabib fil-Psikjatrija Gabriel Ellul f’intervista ma’ Net News fejn stqarr li ninsabu f’sitwazzjoni inkwetanti hekk kif in-numri tal-Covid qed ikunu għoljin kuljum…u ghadna naraw persuni li mhux josservaw id-distanzjament socjali.

Fost il-pajjiżi Ewropej, Malta qed tirreġistra fost l-ogħla numru ta’ każijiet ġodda kuljum. Għall-popolazzjoni ċkejkna tagħna, 50 huma ħafna ħafna.”

It-tabib Ellul jgħidilna li n-nies vulnerabbli s’issa għadhom ma ntlaqtux mill-virus għax għadhom qed joqogħdu attenti, iżda l-biżgħa hi li jekk il-coronvirus ikompli jinxtered, ir-riskju ghal dawn il-persuni se jiżdied ….u jekk jimirdu l-anzjani u l-vulnerabbli, il-konsegwenzi jistgħu jkunu serji ferm.

Din is-sitwazzjoni li ninsabu għaddejjin minnha jaf ikollha konsegwenzi serji wkoll fuq is-saħħa mentali tan-nies.

Ahna meta qed nitkellmu fuq il-virus, ħafna mid-drabi niftakru fuq il-fiżiku, fuq il-virus, is-sogħla u s-sintomi fost l-oħrajn. Iżda wara dan kollu hemm l-aspett psikoloġiku, dak li għandu x’jaqsam mas-saħħa mentali. L-ansjetà kull wieħed u waħda minna qed inħossuha. L-inċertezza li qed ngħixu fiha bħalissa hija waħda kbira u kultant tqanqal fina sens ta’ dispjaċir, sens ta’ rabja u sens ta’ frustrazzjoni li ma nafux x’se nagħmlu bil-futur tagħna. Bħala pajjiż li niddependu ħafna ukoll mill-influss tat-turisti, il-biża’ tagħna tkompli tiżdied meta naraw li t-turiżmu jibda jonqos u allura l-ħobża ta’ kuljum ta’ ħafna nies jaf tkun mhedda wkoll.”

Ċertament din l-inċertezza laqtet ukoll lill-ġenituri u lil dawk kollha li għandhom taħt il-kura tagħhom tfal u ż-żgħażagħ.

L-inċertezza dwar Settembru tibqa’, mhux biss minħabba n-nies li jridu jmorru għax-xogħol, forsi ma jafux x’ se jagħmlu biex jieħdu ħsieb lit-tfal tagħhom jekk dawn mhux se jmorru l-iskola, imma anki minħabba l-inċertezza akkademika. It-tfal tagħna jaf forsi qegħdin fl-iktar punt ta’ ħajjtihom li għandhom bżonn jikbru, jitgħallmu u jużaw ħinhom sew. Allura kull ġurnata moħlija mingħajr skola jew mingħajr pjan sew ta’ x’se jiġri, hija ġurnata ta’ detriment għat-tfal u l-familji tagħna.”

Fl-appell tiegħu t-tabib Ellul iħeġġeġ lil kulħadd sabiex ikun prudenti u jsegwi l-miżuri ta’ mitigazzjoni għax b’hekk biss nistgħu ngħelbu din l-isfida li bħala pajjiż għandna quddiemna.