Lokali

Arrestati żewġ żgħażagħ fuq serq fil-Marsa

Żewġ żgħażagħ mis-Sudan ġew arrestati wara li fis-sigħat bikrin tal-Ħamis filgħodu serqu żewġ persuni f’żewġ każijiet separati.

Il-każ seħħ waqt li uffiċjali tal-Pulizija mill-Għassa tal-Marsa kienu qed jagħmlu ronda fit-toroq tal-lokalità meta għall-ħabta tas-siegħa ta’ filgħodu semgħu xi għajjat fl-inħawi ta’ Triq Derby fejn ġew avviċinati minn żagħżugħ ta’ 28 sena mill-Mali u qalilhom li kien għadu kemm ġie misruq minn żewġ persuni.

Dan filwaqt li ftit tal-ħin wara ġew avviċinati minn żagħżugħ ieħor, din id-darba ta’ 23 sena mill-Eritrea fejn saħaq li ġie aggredit b’sikkina minn żewġ persuni, u spiċċa misruq ukoll. Filwaqt li fuq il-post ġiet msejħa ambulanza fil-post li ħadet lill-Eritrean l-Isptar Mater Dei fejn ġie ċċertifikat li ġarrab ġrieħi gravi, il-Pulizija kompliet it-tfittxija tagħha għaż-żewġ persuni.

Dawn tal-aħħar twaqfu mill-Pulizija hekk kif kienu qrib l-għassa tal-Marsa fejn minn tfittxija li saret fuq il-ġuvintur ta’ 20 u 18-il sena nstabu fuqhom żewġ mobiles u ammont ta’ flus kontanti kif ukoll wieħed minnhom ntlemaħ jarmi l-arma taqta’ u bil-ponta mal-art.

Filwaqt li ż-żgħażagħ inżammu taħt arrest, bil-każ ġiet informata l-Maġistrat tal-Għassa Doreen Clarke li ħatret diversi esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta li ġiet appuntata.