Coronavirus Lokali

Malta fil-lista ta’ kwarantina għar-Renju Unit

Tard il-Ħamis bil-lejl Malta tpoġġiet fil-lista l-ħamra tar-Renju Unit minħabba l-Covid. Dan ifisser li dawk kollha li jidħlu fir-Renju Unit minn pajjiżna jridu jagħmlu erbatax-il jum kwarantina obbligatorja.

Din il-miżura se tidħol fis-seħħ minn nhar is-Sibt fl-4am, ħin Brittaniku. Flimkien ma’ Malta, kemm Franza kif ukoll l-Olanda ġew miżjuda f’din il-lista.

Skont l-Inglizi r-rata ta’ trasmissjoni ta’ Coronavirus f’pajjiżna hija allarmanti, fejn fl-aħħar ġimgħa minn kull mitt elf persuna kellna 35 pożittivi għall-Covid.

Fi Franza, ir-rata kienet ta’ 15 għal kull mitt elf.

Minn naha tal-Brittannicci, Malta qed tkun imqabbla ma’ Spanja. Infatti preżentament il-pajjiżi li huma agħar minn pajjiżna fejn jidhlu n-numri tal-pandemija huma Spanja, Bosnja Herzegovina u l-Kosovo.

Fl-aħħar jiem l-Italja imponiet numru ta’ restrizzjonijet fil-konfront ta’ Malta u t-Taljani li jżuruha, b’numru ta’ reġjuni sa anki jimponu kwarantina mhux biss fuq it-Taljani, iżda anki fuq il-Maltin.

Dawn il-miżuri daħlu fis-seħħ mill-Ġimgħa u huma differenti minn dawk li japplikaw għall-gżira ta’ Sqallija. Persuni li sejrin Sqallija kulma jridu jagħmlu hu li jniżżlu l-app siciliasicura u jirreġistraw lilhom infushom. B’hekk ikun aktar faċli l-proċess ta’ contact tracing jekk ikun hemm il-ħtieġa.

Apparti l-Italja, il-Belġju u l-Olanda poġġewna fil-lista oranġjo, bid-Dannimarka u n-Norveġja jpoġġuna fil-lista l-ħamra.

Ikkummenta