Lokali

AĠĠORNATA: Tnejn arrestati b’rabta ma’ serq ta’ sigaretti b’valur ta’ aktar minn €37,000

Il-Pulizija arrestat żewġt irġiel b’rabta ma’ serq ta’ sigaretti minn maħżen fix-xatt tal-Belt. Jidher li s-serq kien ilu għaddej għal dan l-aħħar ġimgħat u mill-investigazzjonijiet li kienu qed isiru, il-Pulizija waslet għall-post fejn kien u qed jinħażnu l-grosos misruqa.

L-operazzjoni, li bdiet għall-ħabta tal-5.00pm fi Triq il-Qatta, fis-Swieqi li tmexxiet mill-Pulizija tar-reati maġġuri, dawk tad-distrett tal-Belt flimkien ukoll ma’ Membri tad-Dipartiment tad-Dwana.

Il-Pulizija qed iżżomm arrestati żewġ persuni, wieħed ta’ 54 mis-Swieqi u ieħor ta’ 26 sena mill-Mosta.

L-arrestati nħarġu mill-appartament fejn instabu xejn inqas minn 13-il kaxxa ssiġillati, b’50 grossa sigaretti. Total ta’ 6,490 pakkett jew 129,900 sigarett – ekwivalenti għal valur ta’ madwar €37,600.

Madanakollu mhux qed ikun eskluż li hemm aktar kaxxi li nsterqu apparti dawn li instabu kif ukoll kelliema għall-Pulizija mhux jeskludu wkoll li hemm aktar persuni involuti.

L-operazzjoni li kienet ikkonċentrata l-aktar fi Triq il-Qatta, iżda li nfierxet ukoll fiż-żona tal-madwar ankè permezz ta’ drone, tmexxiet minn diversi taqsimiet tal-Pulizija fosthom mit-Taqsima tax-Xena tar-Reati (Crime Scene Unit).