Coronavirus Ekonomija Internazzjonali Lokali Saħħa Turiżmu

Ħafna jħassru l-btajjel f’pajjiżna

Jikbru r-restrizzjonijiet fil-konfront ta' persuni ġejjin minn Malta

Ġranet iebsin għal-lukandiera f’pajjiżna, hekk kif qed jibqgħu jiżdiedu l-każi ta’ Coronavirus f’pajjiżna … u meta aktar pajjiżi qed jimponu restrizzjonijiet fuq persuni deħlin minn Malta.

Diversi kienu l-lukandi li fl-aħħar jiem irċievew kanċellazzjonijiet minn turisti li ddeċiedew fl-aħħar minuta li jħassru ż-żjara tagħhom … fosthom ħafna Sqallin li mill-Ġimgħa se jkunu sottoposti għal aktar restrizzjonijiet jekk ikunu żaru Malta.

Is-sitwazzjoni turistika f’pajjiżna, bħal f’ħafna pajjiżi oħrajn fid-dinja, mhijiex waħda sabiħa b’għadd ta’ lukandi li kienu għalqu l-bibien tagħhom f’Marzu baqgħu ma reġgħux fetħuhom wara l-1 ta’ Lulju meta reġa’ nfetaħ l-Ajruport.

Xi lukandi saħansitra keċċew lill-impjegati kollha tagħhom … uħud kienu taw għexieren ta’ snin ta’ servizz fil-lukandi u issa spiċċaw bla xoghol.

Tbassir li kienu taw lil NET News għadd ta’ lukandi ftit tal-ġimgħat ilu kien qed juri li kienu se jkunu madwar kwart tal-kmamar disponibbli li kienu se jimtlew fil-lukandi Maltin għall-bqija tal-2020. Madankollu, issa anke dan it-tbassir jidher li qed ikun wieħed ottimist ħafna, tant li aktarx ma jintlaħaqx.

Mhux magħruf x’kien s’issa l-impatt ekonomiku fuq dan il-qasam u x’se jkun l-impatt dejjiemi fuq il-lukandi. Lanqas ma hu magħruf kemm kienu dawk li tilfu xogħolhom fl-aħħar jiem.

Madankollu, li hu ċert hu li d-daqqa li ħa dan is-settur s’issa qed tinħass f’oqsma oħrajn u finalment, fuq l-ekonomija ġenerali tal-pajjiż.