Futbol Sport

Il-Kampjonat BOV Premier u n-National Challenge League mistennija jibdew kif pjanat

(Ritratt: Catriel Farrugia)

Il-Kampjonat BOV Premier u n-National Challenge League mistennija jibdew kif pjanat, dan ikkonfermah il-President tal-MFA Bjorn Vassallo waqt konferenza virtwali.

Vassallo saħaq li dawn il-kampjonat mistennija jibdew bejn il-11 u t-13 ta’ Settembru. Vassallo tkellem fid-dawl ta’ numru ta’ każijiet ġodda ta’ coronavirus fil-futbol lokali b’numru ta’ timijiet ikunu kostretti li jissospendu t-taħriġ tagħhom minħabba li kellhom xi każijiet pożittivi. Il-President tal-MFA qal ukoll li l-MFA waqqfet kumitat konsultattiv b’rabta mal-pandemija tal-coronavirus fejn se jkun qiegħed iħejji protokoll mediku biex ikun implimentat qabel ma jibda l-istaġun il-ġdid tal-futbol.

Hu kkonfemra li l-partiti kollha se jintlagħbu b’biben magħluqa. Dwar il-kompetizzjonijiet l-oħra li mistennija jibdew f’Ottubru u Novembru, Vassallo qal li għalissa l-MFA hija ffukata fuq l-impenji Ewropej tal-klabbs lokali u l-impenji tat-tim Nazzjonali. Ftit minuti wara tmiem din il-konferenza, il-klabb ta’ Birkirkara ħabbar li wkoll se jkun qiegħed iwaqqaf it-taħriġ wara li plejer mit-tim Karkariż irriżulta pożittiv.