“In-numri qed jarahom kulħadd minbarra l-Prim Ministru. Hu inkwetanti li l-Maltin u l-Għawdxin mhux qed jingħataw serħan il-moħħ mill-Gvern, hekk kif pajjiżna jinsab f’nofs it-tieni mewġa tal-pandemija”.
Hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia meta kien mistieden fuq NET FM, fejn spjega li l-pandemija qed tħalli ħafna vittmi, fosthom il-qasam turistiku u fl-ekonomija, iżda s-skiet u n-nuqqas ta’ direzzjoni mill-Gvern hi ta’ inkwiet għal kulħadd.
Adrian Delia qal li hu ssuġġerixxa lill-Gvern biex jagħti lill-frontliners tlett ijiem leave bħala ġest ta’ gratitudni. Iżda mhux talli qatt ma rċieva tweġiba dwar dan, talli l-Gvern issa qed jinjora x-xjenza fid-deċiżjonijiet dwar is-saħħa tal-poplu Malti. Gvern, qal Delia, li ma jimpurtahx mis-saħħa tagħna.
Adrian Delia qal li qed jitlob li s-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika ssejjaħ Emerġenza tas-Saħħa Pubblika, fid-dawl ta’ Prim Ministru li aktar moħħu fil-vaganza tiegħu milli fis-saħħa tal-Maltin u l-Għawdxin, kif ukoll li m’għandux il-maturità politika meħtieġa minn Prim Ministru f’sitwazzjoni bħal din.
Hu tkellem ukoll dwar in-negozju u qal li l-Gvern anke hawn ħalla n-negozji Maltin bla direzzjoni kif ukoll abdika mir-responsabbiltà li jagħti serħan il-moħħ u sostenn lil dawn in-negozji.
Adrian Delia kien mistoqsi wkoll dwar ix-xhieda li ta Edward Scicluna fl-Inkjesta Pubblika dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, fejn qal li l-Ministru tal-Finanzi jrid iġorr fuqu r-responsabbiltà politika flimkien ma’ persuni oħrajn għax kien parti mill-problema.
Dwar il-kuntratt tal-Vitals saħaq għal darb’oħra li kommess iġib lura l-Isptarijet tal-Maltin, għax kull ġurnata li l-Gvern iwebbes rasu dwar dan il-kuntratt, qed ikompli jisraq lill-poplu Malti.
//= $special ?>