Lokali Qorti

Il-Qorti tordna li ssir investigazzjoni fuq r-recordings li ħarġu online

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Rachel Montebello qed titlob biex jittieħdu l-passi kollha biex jiġi żvelat kif inkisret ordni tal-Qorti meta numru ta’ recordings li nstemgħu fil-kumpilazzjoni ta’ Yorgen Fenech, mixli li kien kompliċi fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, spiċċaw fuq l-internet kontra ordni li ngħatat mill-istess Qorti.

Il-Maġistrat Montebello qalet li mhux permessibbli li tiġi sfidata ordni tal-Qorti u għalhekk talbel lill-Kummissarju tal-Pulizija biex jinvestiga lil dawk li b’xi mod kellu aċċess ta’ dawn ir-recordings u kif dawn spiċċaw fuq diversi portals.

Il-pubblikazzjoni tagħhom qalet il-Qorti, kien ksur sfaċċat, u huwa għalhekk li kopja ta’ dan il-verbal se tintbgħat lill-Kummissarju tal-Pulizija. Hija ordnat biex tittieħed azzjoni kontra kull min huwa responsabbli.

Il-Maġistrat ikkundannat dan l-aġir fejn irreferiet għar-rikordings ta’ Melvin Theuma li dehru fuq is-sit Reddit fl-aħħar jiem. Kopja ta’ dan il-hard drive kienet ingħatat lill-espert tekniku Alvin Cardona u lill-parte civile.Hija semmiet kif dawn ma kellhomx jiġu ppubblikati jew jingħataw lil terzi persuni.

Il-Maġistrat qalet li hi kienet ordnat li ma jiġux pubblikati wara li ordni mogħtija kemm f’Jannar u Lulju tal-2020, Għaldaqstant dan id-divjet jekk jiġi miksur huwa disprezz,

Xi ħadd li għandu aċċess għadda dawn il-provi u dan huwa kundanabbli u wara li l-Qorti kienet ordnat li jinstemgħu mil-magħluq. Dan huwa aġir kriminali, saħqet il-Qorti.

Tgħid li “tistmerr u tiddeplora” il-pubblikazzjoni ta’ dawn ir-rikordings fuq xi siti tal-midja. Dan huwa “disprezz lejn l-awtorità, qalet il-Qorti u dan hekk kif kienet se tkompli l-kumpilazzjoni fil-każ.

L-Avukat Charles Mercieca, wieħed mill-avukati ta’ Yorgen Fenech qal li jinsab perpless dwar kif l-Avukat Ġenerali, għall-ewwel darba minn meta kien avukat prattikanti, qed jitlob investigazzjoni dwar allegat disprezz lejn il-Qorti. Dan meta hemm evidenza ċara dwar każijiet ferm iktar serji u urġenti li qed jimxi bil-mod dwarhom.

Huwa qal li jaqbel fuq il-każ ta’ disprezz li l-Qorti issa tagħat deċiżjoni dwarha, imma Mercieca qal li skanta għal mod kif intuża l-lingwaġġ fuq id-disprezz. Tant li, “ma rridx lanqas nikkwota lilu għax il-lingwa hija odjuża. “

Mercieca qal li l-Avukat Ġenerali messu ilu konxju dwar provi ta’ reati kriminali aktar serji fejn ma jirriżultax li huwa talab xi nvestigazzhoni, fosthom allegat ta’ flus għall-proklama mogħtija minn Melvin Theuma u allegazzjoni oħra ta’ tixħim fil-konfront ta’ uffiċjal għoli tal-Pulizija.

Kif ukoll allegazzjonijiet oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ dan ir-reat, liema nvestgazzjonijiet mhumiex isiru. Semma wkoll il-ħabi ta’ ċerti recordings u dan mingħajr raġuni.

Id-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia qal li mhux minnu li l-investigazzjonijiet mhumiex qed isiru. Tenna li dawn qegħdin isiru fl-ambitu ta’ nkjesti. Tenna li l-aġir tal-Avukat Mercieca qed jindika li huwa l-avukat tal-messaġġier għax llu qed jiddeffendi.

“Qiesu l-Avukat ta’ Simon Mercieca u mhux ta’ Yorgen Fenech, Issemma dan il-provu messaġġier”, qal id-Deputat Avukat Ġenerali. Hawn l-Avukat Mercieca rreaġixxa billi qal li huwa lanqas biss semma l-persuna b’ismu, u hawn id-Deutat Avukat Ġenerali donnu li jaf xi ħaġa.

Qajjem ukoll punt l-Ispettur Keith Arnaud liqal li dak li qed jingħad fuq ħabi ta’ recordings mhuwa minnu xejn. Esperti se jgħidu fil-Qorti għaliex ċertu recordings ma setgħux jiġu aċċessati.

L-Ispettur Keith Arnaud qal li qed jipprova jintbagħat messaġġ hemm barra mid-Difiża li l-Prosekuzzjoni riedet taħbi xi rikordings partikolari, meta d-Difiża esperjenzat diġà fl-awla hija stess xi problemi tekniċi bir-recordings.

Arnaud kompla jgħid li veru ssemma hu fir-recordings, iżda ppretenda li l-Avukat Mercieca “isemmi kollox.” Jikkjarifika li mhux għalhekk il-Prosekuzzjoni oġġezzjonat li r-recordings jinstemgħu fil-miftuħ, għaliex hu m’għandux problema li fejn jissemma hu tissemma fil-pubbliku. Jgħid li jissemmew terzi persuni li setgħet issirilhom xi ħsara.

Id-Difiża għamlet talba li jinħatar espert fil-psikjatrija sabiex jeżamina l-istat mentali ta’ Melvin Theuma li għandu jkompli jixhed f’dawn il-proċeduri. Dan fid-dawl tal-fatt li fil-21 ta’ Lulju, Melvin Theuma weġġa’ lilu nnifsu serjament, li kien lejlet il-kontro-eżami tiegħu fil-proċeduri kontra Fenech.

Id-Deputat Avukat Ġenerali qal li għadu prematur li lil Theuma jsirlu eżami tas-saħħa medika meta għadu qed jirkupra fiżikament. L-Avukat Marion Camilleri, wkoll avukat ta’ Yorgen Fenech qalet li aktar ma jgħaddi żmien, aktar jista’ jkun ta’ detriment, billi jrid jitqies f’liema kundizzjoni mentali Theuma diġà ta x-xhieda tiegħu.

Il-Maġistrat Montebello qalet li l-Qorti għadha trid tara f’liema stat se jixhed Melvin Theuma, billi l-eżami tiegħu kien ingħalaq, u kien imiss li jsir lilu l-kontro-eżami. Il-Prosekuzzjoni tgħid li se ttellaż l-ewwel xhud bid-Difiża tesprimi sorpriża li Johann Cremona ma ntalabx jitla’ jixhed mill-Avukat Ġenerali fis-seduta tal-lum.

L-ewwel xhud kien Logan Wood, li huwa Kaptan u li saq id-dgħajsa ta’ Fenech fil-lejl fatali meta ġie arrestat f’Novembru li għadda, Qal li ilu madwar 20 sena jagħmel dan ix-xoogħol u f’din il-kariga mat-Tumas Group ilu 11-il sena. Għadu impjegat mal-kumpanija sal-lum u li jieħu ħsieb żewġ dgħajjes.

Qal li fil-lejl ta’ bejn id-19 u l-20 ta’ Novembru li għadda telqu mill-marina ta’ Portomaso lejn Sqallija kmieni filgħodu għall-manutenzjoni ġewwa Pozzallo. Il-vjaġġ isir kull sena bejn Novembru u Jannar.

Wood qal li kien hemm hu u Yorgen Fenech u billi d-dgħajsa żgħira ma jkollux bżonn ekwipaġġ miegħu. Qal li kien raqad il-port billi pprepara d-dgħajsa għall-vjaġġ. Huwa kien jaf minn xi xahar qabel b’dan il-vjaġġ.

Ix-xhud tenna li ġieli jistaqsi lid-Diretturi tal-kumpanija u lill-familja biex jakkumpanjawh fuq dan il-vjaġġ. Qal li ħafna drabi jmur Sqallija u ta’ spiss jitla’ ma’ membri tal-familja tat-Tumas Group inkluż Yorgen Fenech, xi kuġini tagħhom, u ġieli anke ma’ xi Kaptani ħbieb tiegħu.

Wood ippreżenta email mingħand tal-Yard fejn kien talab li jtella’ d-dgħajsa l-art għal xi perjodu ta’ żmien. Hemm ukoll it-tweġiba kkonfermata bid-dati inklużi, li kienu għall-14 t’Ottubru, 2019.

Huwa staqsiehom għal data ta’ bejn Diċembru u Frar tenna li qatt ma jagħtu data eżatta, skont id-disponibbiltà tagħhom. Fl-ittra ma tissemmiex id-data tad-19 ta’ Novembru.

L-Ispettur Arnaud staqsa xi nbidel biex minn Diċembru l-pjan inbidel għad-19 ta’ Novembru u Wood wieġeb li kellu xi pjanijiet għal Diċembru u wara li tkellem ma’ Yorgen Fenech, qablu għad-19 ta’ Novembru.

Ix-xhud qal li ftit ġranet qabel id-19 ta’ Novembru, Yorgen Fenech qallu jekk hux tajjeb li jagħmluha għad dik il-ġimgħa. Il-Kaptan Wood saħaq li qablu fuq id-data flimkien.

Wood tenna li hu u Fenech baqgħu jikkomunikaw. Raqdu abbord id-dgħajsa dak il-lejl biex jitilqu mill-ewwel filgħodu u sostna li din ħaġa normali li huma jagħmlu.

Il-Kaptan kompla jgħid li f’ħin minnhom u dan f”temp ta’ bejn ħamsa u 10 minuti beda jara s-sireni mid-distanza. Waqqaf id-dgħajsa mill-ewwel u mar fuq wara u l-Pulizija qalulu biex kull min kien abbord imur fuq quddiem tad-dgħajsa.

Wara telgħu bejn sitta u tmien persuni fuq id-dgħajsa, u dawn kienu armati. Kien hemm ukoll tal-Forzi Armati ta’ Malta. Ix-xhud qal li hu beda jistaqsihom x’kien qed jiġri waqt li dawn bdew ifittxu. Madankollu baqgħu ma wiġbuhx.

Wood qal li wara dan kollu, xi kwarta wara, l-ewwel kelma li lissnu miegħu kienet biex jibda dieħel lejn Portomaso. Qal ukoll li hu kien diġà raqad meta wasal Yorgen Fenech, u li dan kien għall-ħabta tas-siegħa filgħodu, qabel bdew isalpaw lejn Sqallija.

Qal li wieħed mill-membri tas-sigurtà tal-marina bagħatlu messaġġ biex ikellem lil Yorgen Fenech. Infurmah li hemm is-CID, qallu biex “joqogħdu attenti x’se jagħmlu.”

Il-Kaptan kompla jgħid li ma kellhom xejn ħażin u meta nfurmah bis-CID, Fenech qallu, “Don’t worry about it. They’re making a whole scene għat-taparsi ħa naħarbu.” Dan id-diskors qalulu hekk b’messaġġ peress li huma kienu fil-kabini individwali tagħhom.

Fuq aktar mistoqsijiet tal-Ispettur Keith Arnaud, Wood qal li s-sistema ta’ tracking awtomatika tippermetti li wieħed jidħol ‘online’ biex jiċċekkja fejn tkun id-dgħajsa.  Kien hemm ukoll drabi meta din is-sistema tfewha għax ma ridux lil kulħadd ikun jaf f’liema bajja jinsabu eżatt.

Ix-xhud qal li dak il-lejl kellu l-idea li jitfu l-AIS billi kien hemm tal-gazzetti ħdejn il-marina. Fil-ħin ta’ bejn l-10 u l-11pm tal-gazzetti beda jkellmu, ma kienx jaf min hu, u qallu li hemm xi ħsieb li d-dgħajsa taħrab.

Huwa qal li kienu sema’ b’għajdut fuq il-midja li Yorgen Fenech kellu x’jaqsam mal-assassinju iżda tenna li xogħlu huwa li jieħu ħsieb lil Yorgen Fenech u xejn aktar.

Kien għalhekk li lil Fenech infurmah bil-media u qallu li meta jitilqu, se jinfurmah. Hekk għamel fil-fatt, u qallu, “The coast is clear.” Il-pjan tiegħu kien li jasal għall-ħabta tas-7.30am.

Il-vjaġġ idum normalment bejn sagħtejn/sagħtejn u kwart. qal li ppjana li jħalli d-dgħajsa hemm u jinżel lura bil-katamaran. Qal li ma jafx x’kien il-pjan ta’ Fenech peress ma tkellmux fuq hekk.

Wood qal li matul id-disa’ snin li għamlu dan il-vjaġġ flimkien, normalment Fenech jibqa’ Sqallija għal xi jiem filwaqt li hu jinżel lura Malta. Mistoqsi mill-Ispettur Arnaud fejn joqgħod Yorgen, huwa qal li dan joqgħod fil-binja ta’ Portomaso.

Il-Prosekuzzjoni staqsiet għaliex Fenech ma jorqodx fir-residenza tiegħu u mhux fuq id-dgħajsa f’dawn id-drabi. Ix-xhud wieġeb billi qal li jagħmel hekk għall-kumdità, Dan għax għax ġieli jitlaq minn Malta meta Fenech ikun għadu rieqed fuq id-dgħajsa.

Wara beda l-kontro-eżami mid-difiża u mistoqsi mill-Avukat Marion Camilleri, ix-xhud reġa’ qal li normali li l-membri tal-familja jorqdu abbord meta jkunu se jitilqu bid-dgħajsa kmieni filgħodu.

Dwar il-ġurnalisti Wood tenna li dawn telqu minn fuq il-post u jemmen li dawn meta ma raw xejn aktar. Saħaq ukoll li mhumiex obbligati jinfurmaw lill-Valletta Port Control meta jkunu se jsiefru, iżda hu jagħmel dan ta’ spiss.

Wara Wood ta deskrizzjoni tad-dgħajsa Gio li kienu fuqha. Din hija twila 22 metru għandha erba’ kabini tal-mistednin u żewġ kabini tal-ekwipaġġ u li l-veloċità tagħha mhijiex ta’ barra minn hawn, fil-fatt anqas minn katamaran.

Dwar x’diskors qal Yorgen Fenech lilu dak il-ħin, ix-xhud qal li beda jgħid l-“We have nothing to hide.” Wood ikkonferma wkoll li ġimgħa qabel Fenech kien imsiefer.

Dwar jekk jafx jekk Fenech kienx se jiltaqa’ ma’ xi ħadd Sqallija, partikolarment f’La Spezia, per eżempju ma’ ħuh. Ix-xhud jgħid li Fenech staqsieh dwar kemm hemm bogħod għal La Spezia.Ikkonferma wkoll li l-familja Fenech ta’ spiss tmur hemmhekk.

Fi tmiem ix-xhieda ta’ Wood d-Difiża talbet li jittella’ Johann Cremona għall-kontro-eżami. Il-Maġistrat tgħid li għandu jkun hemm it-traskrizzjonijiet lesti qabel ma jittella’ Cremona. Arnaud jgħid li l-proċess tat-traskrizzjonijiet għadu għaddej.

Il-kumpilazzjoni se tkompli nhar it-Tlieta, 18 ta’ Awwissu fejn għandhom jixhdu t-tabib Adrian Vella u l-espert tal-Qorti Alvin Cardona. Yorgen Fenech qed jiġi mixli li fis-16 ta’ Ottubru 2017 wara nofs inhar u fix-xhur u s-snin ta’ qabel din id-data, ppromova, kkostitwixxa, organiżża jew iffinanzja għaqda bil-ħsieb li jwettqu reati kriminali

Fenech ta’ 38 sena qed jiġi mixli wkoll li pparteċipa b’mod attiv fl-attivitajiet kriminali tal-għaqda, u li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni li dolożament bil-ħsieb li joqtlu lil Daphne Caruana Galizia, jew li jqiegħdu l-ħajja tagħha f’periklu ċar, ikkaġunawlha l-mewt.

Fenech qed jiġi mixli wkoll li f’Malta jew barra minn Malta assoċja ruħu ma’ xi persuna jew persuni bil-għan li jwettaq delitt f’Malta, li għalih hemm piena ta’ priġunerija.

Qed jiġi akkużat  ukoll li rrenda ruħu kompliċi ma’ terzi persuni fejn dolożament permezz ta’ sustanza splussiva wettqu splużjoni li kkaġunat il-mewt ta’ Daphne Caruana Galizia, u li setgħet tqiegħed f’periklu l-ħajja ta’ ħaddieħor jew tagħmel ħsara gravi lil ħwejjeġ ħaddieħor.  

L-Avukati Gianluca Caruana Curran, Marion Camilleri u Charles Mercieca  qegħdin jidhru għal Yorgen Fenech.  Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt  Zahra bl-assistenza tad-Deputat Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia. filwaqt li l-Avukati Jason Azzopardi u Therese Comodini Cachia qegħdin jidhru bħala parti ċivili f’isem il-familja Caruana Galizia.